Lokali

45 sena mit-traġedja tal-Vulcan f’Ħaż-Żabbar

Kien fl-14 t’Ottubru 1975, 45 sena ilu, li pajjiżna xehed wieħed mill-akbar inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni jseħħ, meta ajruplan tat-tip Vulcan XM645 Bomber sploda fl-ajru, ‘il fuq mit-toroq Żabbarin.

Traġedja li kienet wasslet biex 6 persuni, 5 membri tal-ekwipaġġ u mara Żabbarija flimkien ma’ madwar 20 persuna kienu ndarbu meta l-biċċiet mill-ajruplan waqgħu fit-toroq ta’ Ħaż-Żabbar.

Il-biċċa l-kbira tal-ajruplan kien waqa’ f’Triq is-Santwarju biswit il-Knisja Parrokkjali.

Bosta Żabbarin illum il-ġurnata, dak iż-żmien tfal, jirrakkontaw dak li seħħ għall-ħabta tas-13.30 ta’ waranofsinhar bil-paniku li raw quddiem għajnejhom, b’uħud jisħqu li l-ħoss kien wieħed tremend donnu terremot u oħrajn jirringrazzjaw lil Alla li baqgħu ħajjin sabiex jirrakkontaw din il-ġrajja.

Il-bdot tal-ajruplan Vulcan kien prova jagħmel inżul fl-Ajruport, madanakollu kienu żvilppaw ħsarat minħabba inżul ħażin fl-ajruport. Waqt li kien qiegħed ibattal il-fjuwil qrib l-ixtajta tax-Xgħajra, l-ajruplan sploda ftit tal-ħin wara li l-bdot kien iddeċieda li jkompli jtajjar l-ajruplan biex jagħmel inżul ta’ emerġenza.

Illum il-ġurnata, wieħed għadu jista jara u jaqra dak li seħħ fl-1975 fil-Mużew tas-Santwarju f’Ħaż-Żabbar fejn hemm ukoll eżebiti fdalijiet tal-ajruplan.

Ritratti: Żabbar Born & Bred + Residents.