Internazzjonali

Afganistan: Eżodu kbir ta’ nies fost il-vjolenza kontinwa

Għexieren ta’ eluf ta’ nies qegħdin jaħarbu miz-zoni lejn in-nofsinar tal-Afganistan wara jiem ta’ ġlied qalil bejn il-qawwiet tas-sigurtà u l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban.

Il-vjolenza fin-nofisinar tal-pajjiż qed tirranka minkejja t-taħditiet għall-paċi li għaddejjin bħalissa u wara li l-militanti Talibani, fi tmiem il-ġimgħa, wettqu sensiela ta’ attakki fuq il-belt ta’ Lashkar Gah, fil-provinċja ta’ Helmand.

Intant, l-Istati Uniti kellha tirrikorri għal azzjonijiet mill-ajru biex tiddefendi lill-qawwiet Afgani u meta l-ġlied wassal għal eżodu ta’ residenti, fosthom eluf ta’ familji, li ħarbu mill-inħawi b’kull mezz tat-trasport li sabu.

Il-ġlied attwali għaddej f’talanqas erba’ distretti fost rapporti li l-qawwiet tas-sigurtà rnexxielhom irażżnu l-aħħar attakki konsistenti tat-Talibani.

Fl-aħħar sigħat, il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Assistenza fl-Afganistan sejħet biex il-ġellieda tat-Taliban u l-qawwiet tas-sigurtà Afgani jieħdu l-miżuri kollha biex jipproteġu liċ-ċivili waqt li jieħdu ħsieb ir-rotot tas-sigurtà għal kulmin irid jitlaq miz-zoni ta’ periklu.