In-numru ta’ każijiet pożittivi tal-COVID-19 li qed ikollna kuljum qed iwasslu għal sitwazzjoni fejn l-iskejjel qed ikollhom pressjoni enormi minn kull qasam.
Fi stqarrija, l-MUT qalet illi issa huwa ċar li r-rata ta’ trasmissjoni tal-virus fil-komunità hija kbira u dan qed iwassal sabiex qed ikollna:
– każijiet pożittivi tal-COVID-19 fl-iskejjel;
– numru ta’ edukaturi u studenti li qed jinqabdu fi kwarantina;
– studenti li ma jattendux l-iskola minħabba l-biża’;
– ġenituri u kustodji li qed iduru fuq l-iskola sabiex tipprovdi tagħlim online għal dawn l-istudenti.
Dan kollu qiegħed iseħħ waqt li l-edukaturi qegħdin jgħallmu lill-istudenti fl-iskejjel, bix-xogħol kollu li sar mill-edukaturi sabiex l-iskejjel setgħu jiftħu. Il-pressjoni fuq l-iskejjel hija kbira, u dan hu kkawżat biss minn nuqqas ta’ azzjoni tal-gvern li jdaħħal miżuri ġodda fis-soċjetà sabiex irażżan il-pandemija u kif ukoll jinforza l-miżuri eżistenti.
L-MUT qalet li din l-attitudni mill-gvern hija ta’ disrispett kbir lejn l-edukaturi, t-tfal u l-familji li qed jagħmlu minn kollox biex jevitaw ir-riskji li ġġib magħha l-pandemija.
L-MUT tfakkar li diġà tat ultimatum lill-Gvern, li jiskadi għada, fejn qed tinsisti li l-gvern iħabbar miżuri neċessarji fis-soċjetà hekk kif ġew proposti mid-diversi unions u organizzazzjonijiet inkluż minn esperti fil-qasam mediku.
Miżuri ulterjuri stretti u nfurzar li jwasslu għal trażżin tal-pandemija huma l-uniċi mezzi jekk il-gvern irid li l-edukazzjoni tibqa’ tingħata fl-iskejjel.
//= $special ?>