Ambjent Lokali

Birdlife tikkundanna dħul illegali fir-riżerva tal-Għadira; żewġ fjamingi sparixxew

BirdLife Malta permezz ta’ post li għamlet fuq Facebook esprimiet in-niket tagħha dwar dak li seħħ matul il-lejl bejn it-12 u t-13 ta’ Ottubru, meta persuna jew persuni mhux magħrufa daħlu fir-Riserva Naturali tal-Għadira minn zona mwarrba wara li għamlu użu minn twavel tal-injam biex qabżu ċ-ċint.

L-aktar parti ta’ niket f’din l-istorja, spejgat Birdlife, hija li tnejn mit-tliet Fjamingi żgħar li dan l-aħħar inħelsu lura fir-riserva wara perjodu ta’ riabilitazzjoni sparixxew.

L-organizzazzjoni qalet li temmen li dawn jew inqatlu, inkella nsterqu.

Birdlife qalet li l-pulizija ġew imsejħa fir-riserva ftit wara din is-sejba u qed jinvestigaw il-każ. Wieħed jista’ biss jimmaġina x’jiġri lill-għasafar f’riservi bħal dawn kieku ma jkunx ikkontrollat l-aċċess għal dawn il-postijiet,kompla l-post.

BirdLife Malta wegħdet li se tkompli taħdem bil-qawwa kollha biex ir-riservi tagħha jibqgħu jservu bħala post ta’ mistrieħ u ħieles minn kull periklu għall-għasafar biex dawn jitgawdew mill-pubbliku.