Lokali

Bl-impjieg ta’ Konrad Mizzi bħala Konsulent tal-MTA, Muscat kiser l-etika

Id-deċiżjoni tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat li jimpjega lill-eks Ministru Konrad Mizzi bħala Konsulent mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) kienet prima facie tmur kontra l-etika.

Dan ħareġ minn Rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika wara li l-Kumitat Permanenti tal-Parlament awtorizza l-pubblikazzjoni tar-Rapport, li ġie sottomess fil-5 ta’ Ottubru.

Konrad Mizzi kien inħatar Konsulent mal-MTA fid-9 ta’ Diċembru li għadda, ġimgħatejn wara li rriżenja minn Ministru tat-Turiżmu. Għal dan l-impjieg, hu kellu jitħallas €80,400 fis-sena minbarra benefiċċji oħrajn.

Muscat kien ta l-istruzzjoni għall-impjieg ta’ Mizzi direttament lill-Kap Eżekuttiv u mhux liċ-Chairman. L-eks Prim Ministru kien iġġustifika l-istruzzjoni tiegħu billi kkwota Artiklu fl-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, li għall-Kumissarju għall-Istandards, ma japplikax għall-MTA.

Dan hekk kif il-Liġi li tirregola l-MTA tagħti setgħat ħafna aktar limitati lill-Ministru. Hu għalhekk li l-Kummissarju ikkonkluda li l-eks Prim Ministru qabeż is-setgħat tiegħu. Barra minhekk, il-Kummissarju qal li Ministru għandu jibqa’ distakkat minn deċiżjonijiet dwar l-operat u mhux jaqbeż il-Bord tat-tmexxija tal-entità pubblika.

Ladarba l-Kummissarju sab li l-aġir prima facie jmur kontra l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, deċiżjoni finali dwar il-każ għandha tittieħed mill-Kumitat Parlamentari.