Atletika Sport

Erba’ atleti Maltin se jieħdu sehem fil-World Athletics Half Marathon Championships

Nhar is-Sibt li ġej erba’ atleti Maltin se jkunu qed jieħdu sehem fil-World Athletics Half Marathon Championships f’Gydnia fil-Polonja.

L-atleti li se jirrapreżentaw lil pajjiżna f’din il-maratona se jkunu Lisa Bezzina, Joelle Cortis, Charlton Debono u Stefan Azzopardi. Normalment din il-maratona ssir aktar kmieni iżda kawża tal-pandemija tal-coronavirus ġiet posposta għal Ottubru.

Id-delegazzjoni Maltija se tkun immexxija mill-President tal-MAAA Andy Grech flimkien mal-kowċ nazzjonali tal-endurance Ivan Rozhnov. Id-distanza tal-maratona se tkun 21.1km u fiha se jieħdu sehem uħud mill-aqwa atleti tad-dinja.

Bi preparazzjoni għal din il-maratona, l-atleti Maltin ħadu sehem f’kamp ta’ taħriġ fi Franza. Il-President tal-MAAA qal li din it-tellieq hija waħda mill-avvenimenti importanti fil-kalendarju internazzjonali tal-atleti Maltin u minkejja l-isfidi li kellna fl-aħħar xhur l-atleti Maltin preparaw bl-aħjar mod possibli.