Lokali

Etienne Grech jirriżenja minn Membru Parlamentari

Oħt Lydia Abela għall-Parlament?

Id-Deputat Laburista Etienne Grech ċeda postu fil-Kamra tad-Deputati.

Għalkemm għadu mhux magħruf x’wassal għar-riżenja ta’ Grech, il-Partit Laburista qal fi stqarrija li dan il-pass sar “għal raġunijiet personali”. Minħabba li dan tela’ b’elezzjoni każwali, il-Partit Laburista se jkun qed jiskatta proċess ieħor ta’ co-option biex jimtela’ dan is-siġġu battal.

Sorsi li tkellmu ma’ NET News qalu li dan il-pass jista’ jagħmilha faċli biex dan il-post jimtela’ minn Alison Zerafa Civelli, oħt il-mara ta’ Robert Abela. Dan wara li l-Prim Ministru ilu jesprimi x-xewqa ma’ dawk qrib tiegħu li oħt Lydia ssib postha fil-Parlament ħalli ma ssibhiex diffiċli tkun eletta fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Iżda Zerafa Civelli ma setgħetx issib postha fil-Parlament mar-riżenja ta’ Joseph Muscat, hekk kif dak is-siġġu mistenni jimtela’ mill-MEP Laburista Miriam Dalli. Hu fatt magħruf li Dalli ma tarax għajn m’għajn mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-għażla tagħha aktarx hi mossa tal-Prim Ministru biex inaqqas is-saħħa politika tad-Deputat Mexxej.

Bl-istess mod, bir-riżenja ta’ Etienne Grech, issa Abela sab ix-xoqqa f’moxta biex idaħħal lil Alison Zerafa Civelli u b’hekk ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni politika tiegħu fil-Grupp Parlamentari.