Lokali Parlament

Il-gvern inqabad iqarraq bil-Kummissjoni Ewropa dwar l-Electrogas

  • Jason Azzopardi, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi appella lill-gvern biex iqatta’ u jtemm il-kuntratt korrott mal-Electrogas u akkużah li nqabad iqarraq bil-Kummissjoni Ewropea dwar l-Electrogas.

Fil-parlament Jason Azzopardi qal li l-PN diġà tkellem dwar l-importanza tal-qrati virtwali għaliex hemm diversi kawżi li jistgħu jsiru u jissolvew diversi problemi propju minħabba l-pandemija COVID-19.

Din kienet ukoll is-sejħa tal-Kamra tal-Avukati sa minn Mejju li għadda. Dan bl-iskop li l-ġustizzja ma tieqafx, sostna d-deputat Nazzjonalista, li semma’ l-Qorti tal-Familja bħala prijorità.

Id-deputat Nazzjonalista sellem lill-avukati li rriżultaw pożittivi għall-COVID-19 u appella biex il-protokolli tas-saħħa jkunu osservati għaliex f’ċertu awli m’hemmx attenzjoni biżżejjed biex jitħarsu r-regoli tas-saħħa. Hu appella biex tisaħħaħ is-sistema online tas-sentenzi tal-qorti għaliex hemm ċertu sentenzi li ma jinstabux faċilment.

Id-deputat Nazzjonalista qal li ħarġet aħbar li l-gvern ħeba kuntratt mal-Electrogas lill-Kummissjoni Ewropea biex jiffaċilita t-talba tiegħu għal għajnuna statali hi gravi u jkollha riperkussjonijiet fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-UE. Il-gvern għandu obbligu jispjega u jgħid kif il-gvern għamlet tentattivi kbar biex jaħbi dan il-kuntratt.

Jirriżulta li kien hemm korrispondenza bejn l-Electrogas u impjegati li kellhom kunsiderazzjoni dwar il-kuntratt ta’ Konrad Mizzi mas-Socar biex jinxtara ż-żejt. Dan jirriżulta minn emails li kienet irċeviet Daphne Caruana Galizia. Anki dawk li selfu l-flus lill-Electrogas inżammew fl-għama dwar dan. Hemm ukoll email f’Mejju 2019 ta’ Yorgen Fenech li juri l-aċċessi li kellu għall-poter.

Jason Azzopardi qal li l-Kummissjoni Ewropea approvat l-għajnuna statali mingħajr ma kienet murija l-ftehim li ffirma Konrad Mizzi. Daphne Caruana Galizia rċeviet 680,000 emails mill-Electrogas u għalhekk se jkun hemm iktar rivelazzjonijiet xokkanti.

Dwar dan kollu l-gvern għadu ma kummentax dwar dawn ir-rapporti, sostna Jason Azzopardi, li kompla li l-gvern għandu jqatta l-kuntratt korrott mal-Electrogas biex issir ġustizzja mal-mijiet ta’ miljuni li nħarġu mill-kaxxa ta’ Malta u marru fil-korruzzjoni permezz ta’ 17 Black u oħrajn.