Budget 2021 Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tniedi viżjoni ekonomika lil hinn mill-Budget

Mal-130 rakomandazzjoni mressqa lill-Gvern għall-Budget tat-Tnejn li ġej

“Ħeġġiġna ‘l-Gvern sabiex ikun kuraġġuż, li jieħu dawk l-azzjonijiet li verament jeħduna lejn il-viżjoni li nixtiequ naraw għal dak kollu li huwa ta’ kwalità, kemm jekk huwiex fit-turiżmu, fil-manifattura, f’kull forma ta’ ekonomija, viżjoni li tibda minn issa b’miżuri li jħarsu aktar fit-tul. Xejn ma għandu jxekkel lill-Gvern dwar dan għaliex tista’ tgħid il-pajjiż kollu jaqbel, kemm l-istess Gvern, l-Oppożizzjoni u l-Kamra tal-Kummerċ li bdiet din id-diskussjoni.”

Sostna dan il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb, meta l-Erbgħa l-Malta Chamber nediet mal-130 rakomandazzjoni tagħha għall-Budget li se jressaq nhar it-Tnejn.

Il-Kamra nediet ukoll 11-il sejħa ghal azzjoni minn naħa tal-Gvern, kemm b’mod immedjat u oħrajn aktar fit-tul biex il-Gvern jaħseb mill-ġdid id-direzzjoni għall-pajjiż.

Fost is-sejħiet li l-Kamra qed tagħmel, hemm dawk li l-Gvern jerġa’ joħroġ il-vouchers – proposta li kien welled il-Partit Nazzjonalista – u li l-Gvern jagħti aktar nifs lin-negozji f’likwidità, billi jipposponi l-ħlas tat-taxxa, kif ukoll joffri inċentivi sabiex in-negozji jkunu jistgħu jħallsu lil xulxin.

Appelli oħra minn naħa tal-Kamra kienu ghall-assistenza fuq il-kontijiet tal-kera, tad-dawl u l-ilma filwaqt li l-Gvern jidħol għall-piż tal-leave tal-kwarantina, piż kbir li kellhom jidħlu għalih in-negozji u l-ħaddiema, kif ukoll inċentivi akbar għat-teleworking fil-pandemija.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li s-suq tax-xogħol intlaqat severament f’din il-pandemija u għalhekk awgurat li jinżamm is-suppliment tal-paga tal-COVID-19.

David Xuereb taha anki ħarsa fuq l-aspett ambjentali sabiex din tkun prijorità f’dan il-budget:

“Fuq il-matterja taż-żero carbon economy, aħna motivati ħafna b’dik il-viżjoni u nixtiequ naraw li l-karozzi tagħna jsiru elettriċi u anki fil-qasam tal-kostruzzjoni, li din tgħolli l-livell tagħha ta’ kwalità.”

Dan sabiex dan is-settur jibda jindirizza l-mod ta’ kif juża r-riżorsi tal-pajjiż waqt li jkun għaddej l-iżvilupp u l-kostruzzjoni.