Internazzjonali

Il-konflitt f’Nagorno-Karabakh: Appelli biex l-Armenja u l-Ażerbajġan iżommu pass lura

Ir-Russja, fl-aħħar sigħat, għamlet appell ġdid lill-Armenja u l-Ażerbajġan biex ma jkomplux bil-battalji għall-kontroll tal-hekk-imsejħa repubblika ta’ Nagorno-Karabakh li ilha s-snin bħala punt ta’ konflitt bejn iż-żewġ eks Stati Sovjetiċi.

Is-sitwazzjoni, fl-istess ħin, dehret qed tiggrava wara li l-qawwiet Armeni u Ażeri akkużaw lil xulxin dwar abbużi ġodda tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li kien stabbilit xi jiem ilu.

Il-Ministru tad-Difiża Russu, Sergei Shoigu, issa, reġa’ appella għall-paċi waqt telefonata lill-awtoritajiet tal-Armenja u l-Ażerbajġan fejn talabhom biex jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji li ffirmaw għalihom skont l-imsemmi ftehim li hu sponsorjat minn Moska.

Madankollu, is-sitwazzjoni umanitarja qed tiggrava f’Nagorno-Karabakh anki waqt li l-Armenja u l-Ażerbajġan qed ikomplu jiċħdu li qed jabbużaw il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied. Dan ukoll meta l-President Ażeri, Ilham Aliyev, qiegħed jinsisti li l-militar ta’ pajjiżu għandu jkompli ‘bl-azzjonijiet’ sakemm jieħu lura ‘l-art li hu tiegħu bi dritt’.

Il-Ministeru tad-Difiża f’Nagorno-Karabakh – li hu kontrollat mill-Armeni-etniċi – qed jakkuża lill-qawwiet Ażeri dwar l-isparar ta’ artillerija u missili lejn it-territorju tiegħu li jinkludi z-zoni għal ċivili. Intant, l-Ażeri qegħdin jiċħdu rapporti li ‘tilfu ajruplan tal-gwerra tat-tip Su-25’ waqt l-aħħar ostilitajiet.

Fl-istess ħin, l-Ażerbajġan qed jakkuża lill-militar tal-Armenja dwar attakki ġodda fuq il-pożizzjonijiet tal-Armata tiegħu, tul il-‘linja ta’ kuntatt’ li tissepara lin-naħat avversarji. L-Ażeri rreferew ukoll għall-‘bumbardamenti kontinwi’ mill-qawwiet Armeni fuq l-ibliet u reġjuni fl-Ażerbajġan proprju.

Kollox jindika li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied qed jikkrolla, ftit ftit, wara li kien intlaħaq b’mhux ftit tar-riservi min-naħat avversarji.

Intant, il-potenzi tad-dinja ma waqfux mis-sejħiet biex jieqaf dan il-konflitt li ħalla ‘il fuq minn 500 mejtin mindu splodew il-battalji attwali dwar Nagorno-Karabakh, fis-27 ta’ Settembru.

Il-konflitt ta’ Nagorno-Karabakh qed iħalli effetti diretti u indiretti anki għall-Ewropa, waqt li l-gruppi internazzjonali qegħdin iwissu dwar kriżi umanitarja ‘katastrofika’.

Dan meta dejjem aktar nies – fiz-zona tal-gwerra u l-madwar – qed ikunu sfurzati minn djarhom, bis-sitwazzjoni qed issir aktar fraġli anki minħabba l-iżviluppi tal-pandemija tal-Covid-19 fir-reġjun.

Il-ġlied attwali f’Nagorno-Karabakh hu, bla dubju, l-aktar intensiv miż-żmenijiet tal-gwerra tal-1991-94 fir-reġjun, li fiha kienu nqatlu mat-30,000 persuna. Qed tikber ukoll il-possibbiltà li jissieħbu aktar pajjiżi fil-konflitt – meta t-Turkija qed toħroġ għonqha ‘akkost ta’ kollox’ għall-Ażerbajġan u meta r-Russja hi impenjata f’patt tad-difiża mal-Armenja.

Il-Prim Ministru tal-Armenja, Nikol Pashinyan qed jakkuża lit-Turkija dwar ‘indħil sfaċċat’ f’dan ir-reġjun, fin-nofsinar tal-Kawasku, waqt li żied li l-Gvern f’Ankara għandu l-ambizzjonijiet biex jespandi l-influwenza tiegħu f’dik iz-zona.