Coronavirus Lokali Saħħa

Il-Ministeru ma jweġibx jekk pressjoni għolja jew zokkor humiex fost il-‘kundizzjonijiet ulterjuri’

Net News issa ilu jumejn jistaqsi lill-awtoritajiet tas-saħħa jekk pressjoni għolja, zokkor jew dementia humiex fost il-‘kundizzjonijiet ulterjuri’ li jissemmew kull darba li jmut xi ħadd bil-Covid-19.

Minkejja d-diversi emails u messaġġi li bgħatna lill-awtoritajiet tas-saħħa u saħansitra direttament lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, baqa’ ħadd ma tana tweġiba jekk dawn il-kundizzjonijiet komuni ħafna fost il-popolazzjoni Maltija, l-aktar dawk ftit kbar fl-età, humiex qed jitqiesu bħala kundizzjonijiet li setgħu ikkomplikaw il-kundizzjoni tal-vittmi tal-virus.

Tlabna wkoll lill-Ministeru biex jgħidilna, jekk dawn mhumiex fost il-kundizzjonijiet li qed jissemmew, liema huma l-kundizzjonijiet ġenerali li qed jirreferu għalihom.

Net News jibqa’ jistenna tweġiba ċara dwar dan hekk kif il-Ministeru jinsisti li jgħid ma’ kull stqarrija, li l-vittmi kellhom dawn il-‘kundizzjonijiet ulterjuri’.