Lokali

Il-PN iressaq Mozzjoni biex jinħatar bord ta’ inkjesta dwar il-proġett tal-power station tal-Electrogas

Kif kien dikjarat fil-ġimgħat li għaddew, il-Partit Nazzjonalista llum ressaq mozzjoni biex jinħatar Bord ta’ Inkjesta dwar il-proġett tal-power station tal-Electrogas Malta Ltd. Din il-mozzjoni tressqet mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, flimkien mad-Deputat Ryan Callus, id-Deputat Karol Aquilina u l-Whip Robert Cutajar.

Il-mozzjoni titlob li l-Prim Ministru għandu jaħtar bord ta’ inkjesta dwar il-proġett tal-power station tal-Electrogas, skont l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta’ Malta) sabiex jeżamina:

  • Il-proċessi u azzjonijiet politiċi, amministrattivi u kummerċjali li għandhom rabta mal-proġett tal-power station tal-Electrogas;
  • X’abbużi u ksur ta’ liġi twettqu fl-imsemmija proċessi u azzjonijiet politiċi, amministrattivi u kummerċjali;
  • Jidentifika min huma l-persuni li ordnaw, wettqu, iffaċilitaw, kienu konxji u/jew misshom kienu konxji tal-imsemmija abbużi u ksur ta’ liġi b’rabta mal-proġett tal-power station tal-Electrogas.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li saru numru ta’ allegazzjonijiet li jorbtu l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mal-proġett tal-bini u l-operat tal-power station tal-Electrogas. Huwa fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li l-konsumatur u l-familji Maltin qegħdin iħallsu għal dan kollu permezz ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma għola. Il-mod kif il-Gvern intrabat jixtri mill-Electrogas l-enerġija kollha li tiġġenera huwa dubjuż għall-aħħar u qed iwassal sabiex pajjiżna jħallas €91,000,000 aktar.

Il-Kap tal-PN qal li Robert Abela għażel li jistaħba wara l-fatt li dan il-proġett ma sarx taħt it-tmexxija tiegħu, pero’ meta ġie deċiż Abela kien konsulent ta’ Joseph Muscat. Bernard Grech qal li l-familji ma jinteressahomx ta’ min hu t-tort, iżda li ssir ġustizzja u li ma jħallsux għall-korruzzjoni. Huwa qal li din il-mozzjoni se tkun test importanti għal Robert Abela u l-Ministri biex mill-kliem jgħaddu għall-fatti. Kellna diversi dikjarazzjonijiet fl-aħħar ġimgħat ta’ esponenti tal-Gvern jgħidu li meta jħarsu lura jammettu li saru żbalji. L-appoġġ tagħhom għal din il-mozzjoni huwa pass konkret biex verament issir investigazzjoni indipendenti li għandha tkun l-ewwel pass sabiex finalment issir magħrufa l-verita’ u kull ħażin li sar jissewwa.

Ryan Callus elenka sensiela ta’ premessi li fuqhom hija mibnija l-mozzjoni għall-inkjesta indipendenti:

  • Iż-żjara tal-Prim Ministru Joseph Muscat fl-Ażerbajgan ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi bl-ebda uffiċjal tas-servizz pubbliku preżenti għall-iffirmar tal-fehim;
  • Li l-kumpaniji Hearnville u Tillgate li jappartjenu lil Konrad Mizzi u Keith Schembri, kienu l-benefiċċjarji ta’ dħul finanzjarji mill-kumpanija 17 Black, u li l-propjetarju tagħha huwa Yorgen Fenech, allegatament involut fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u sa ftit ilu, id-Direttur tal-proġett tal-Electrogas;
  • Il-persuna li mexxiet l-evalwazzjoni fir-raba’ stadju ta’ aġġudikazzjoni dwar l-offerta ppreżentata mill-Electrogas dwar il-proġett tal-power station kien il-Managing Partner ta’ Nexia BT liema ditta kienet ġiet appuntata bħala awditur ta’ GEM Holdings li kellha u għad għandha sehem fl-Electrogas;
  • Il-Gvern ta garanzija ta’ €360,000,000 b’rabta mal-power station tal-Electrogas u kemm l-Awditur Ġenerali kif ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministru tal-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji stqarrew li kienet waħda ta’ riskju kbir li ma kellux jittieħed mill-Gvern;
  • Peress illi l-Enemalta, b’mod dubjuż u kontra l-interess tal-konsumaturi, rabtet lilha nnifisha li tixtri 85% tal-enerġija ġġenerata u tal-gass ipprovdut mill-Electrogas, irrispettivament minn kemm tkun id-domanda għall-elettriku tal-ġurnata;
  • L-Enemalta ħallset aktar minn €10,000,000 meta b’mod dubjuż xtrat l-enerġija mill-Electrogas, li kien ħafna ogħla mill-interconnector, kif stabbilit u kkonfermat mill-Awditur Ġenerali;
  • Is-Segretarju Permanenti fil-Ministru tal-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji stqarr li bl-intervent dirett ta’ Konrad Mizzi, l-Enemalta daħlet responsabbli biex tassorbi mal-€40,000,000 f’taxxa tas-sisa li suppost kellha titħallas mill-Electrogas;
  • L-Enemalta b’mod sigriet u abbużiv ikkonċediet lill-Electrogas posponiment ta’ 18-il sena biex l-istess kumpanija tħallas l-ammont ta’ €18,000,000 f’danni dovuti lill-Enemalta;
  • Il-Gvern baqa’ jirrifjuta li jippubblika d-dokumenti kollha fl-intier tagħhom u mingħajr ebda ċensura dwar il-bini tal-power station tal-Electrogas;
  • Jeżistu suspetti raġjonevoli li l-power station tal-Electrogas kien proġett li kien ġie miftiehem qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 bejn it-tmexxija tal-Partit Laburista u l-individwi u kumpaniji kif konfermat mill-Awditur Ġenerali;
  • L-Awditur Ġenerali kkonkluda li numru ta’ domandi b’rabta mar-reviżjoni tal-kundizzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-kuntratt, kif ukoll kwistjonijiet marbuta mal-użu tal-interconnector, magħmula lill-partijiet involuti baqgħu mhux imwieġba;
  • Nuqqas ta’ cost benefit analysis dwar kienx jaqbel li l-power station tal-Electrogas titmexxa mill-Enemalta wara li tinbena minflok mill-privat bi spejjes ogħla li jsarfu f’kontijiet ogħla.

Karol Aquilina spjega kif il-bord tal-inkjesta se:

  • Jeżamina l-proċessi u azzjonijiet politiċi, amministrattivi u kummerċjali li għandhom rabta diretta u/jew indiretta mal-proġett tal-power station tal-Electrogas;
  • Jidentifika x’abbużi, nuqqasijiet u ksur ta’ liġi twettqu fl-imsemmija proċessi u azzjonijiet politiċi, amministrattivi u kummerċjali;
  • Jidentifika min huma l-persuni li ordnaw, wettqu, iffaċilitaw, ippermettew, kienu konxji u/jew misshom kienu konxji tal-imsemmija abbużi, nuqqasijiet u ksur ta’ liġi b’rabta mal-proġett tal-power station tal-Electrogas; u
  • Jagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni li l-istess bord tal-inkjesta jidhirlu xierqa u opportuna.

Il-membri tal-bord tal-inkjesta se jiġu maħtura bil-vot ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Parlament. Il-bord se jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Ispeaker f’dak it-terminu ta’ żmien li l-istess bord ta’ inkjesta fil-ġudizzju esklussiv tiegħu jidhirlu li jkun meħtieġ biex jaqdi l-inkarigu tiegħu u r-rapport għandu jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra minnufih mill-Ispeaker u jiġi ppubblikat mill-Iskrivan tal-Kamra.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament David Agius u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar.