Coronavirus Edukazzjoni Lokali Saħħa

Il-UPE tisħaq għall-għeluq immedjat tal-iskejjel wara żieda allarmanti fil-każi ta’ COVID-19

Il-Union issejjaħ lill-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u dawk indipendenti biex jirrikorru minnufih għal-lezzjonijiet online biex iwaqqfu l-firxa tal-virus

Il-UPE Voice of the Workers saħħqet li l-iskejjel għandhom jingħalqu immedjatament wara żieda allarmanti fil-każi ta’ COVID-19 fl-iskejjel kollha, bil-union tbassar li tant qed jinfirex il-virus qalb l-istudenti u l-edukaturi li jistgħu jfeġġu każi fil-komunità li feġġew mill-iskejjel.

Dan għad-detriment ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, fosthom in-nanniet li jieħdu ħsieb lin-neputijiet tagħhom wara l-iskola sakemm jaslu l-ġenituri mix-xogħol, riċetta għal aktar fatalijiet fil-fehma tal-UPE.

Kien għalhekk li appellat mill-ġdid lill-Gvern, lill-awtoritajiet Ekkleżjastiċi kif ukoll lis-sidien tal-iskejjel indipendenti sabiex jirrikorru għat-tagħlim online ħalli jwaqqfu l-firxa tal-virus fl-iskejjel.

F’każ li dawn jonqsu milli jagħmlu dan, il-UPE Voice of the Workers ma jkollix triq oħra għajr li ddaħħal tilwima industrijali stretta fis-sigħat li ġejjin.

Il-Union hija infurmata b’każ ta’ edukatur partikolari li ħadet il-virus mix-xogħol, li spiċċat għaddietu lill-ġenituri vulnerabbli tagħha, it-tnejn ‘il fuq minn 80 sena, b’wieħed minnhom saħansitra ddaħħal l-isptar wara li żviluppawlu kumplikazzjonijiet bil-virus.

Dan apparti n-numru kbir ta’ għalliema li qegħdin fi kwarantina jew b’sick leave, kif ukoll dawk l-għalliema li huma vulnerabbli u li baqgħu d-dar bħala protezzjoni, sitwazzjonijiet li qed jitfgħu pressjoni u stress akbar fuq l-għalliema li għadhom qed jgħallmu, bi klassijiet li lanqas għandhom għalliem assenjat.