Lokali

Inħarsu ‘l quddiem mingħajr ma ninsew x’sawwarna – Bernard Grech

Kompli ara li f’pajjiżna ħadd ma jibqa’ lura.

Dan kien l-appell tal-President Emeritus, eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami meta laqa’ lill-Kap il-ġdid tal-Partit Bernard Grech fid-dar tiegħu, f’Birkirkara, fil-bidu tat-terminu fit-tmexxija tal-Partit.

B’nostalġija, Eddie Fenech Adami fakkar fil-ħidma li għamel – spalla ma’ spalla ma’ politiċi bħal Guido Demarco, Ċensu Tabone u Ugo Mifsud Bonnici, fost l-oħrajn – biex pajjiżna seta’ jiżviluppa għal Stat Ewropew.

Min-naħa tiegħu, Bernard Grech irringrazzja lil Eddie Fenech Adami għas-sagrifiċċji li wettqu l-politiċi tal-passat biex nistgħu ngħixu b’rasna mistrieħa f’Malta u Għawdex kif nafuhom illum. Fakkar fil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami li wasslet biex illum aħna kburin li nissejħu Maltin u Ewropej.

Bernard Grech qal li b’laqgħa bħal din, il-Partit Nazzjonalista jrid iħares ‘il quddiem mingħajr ma jinsa l-valuri li sawruh.

Il-laqgħa bejn Bernard Grech u Eddie Fenech Adami saret wara li, fil-jiem li għaddew, il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ wkoll mal-predeċessur tiegħu Adrian Delia.

Sadanittant, Bernard Grech kellu laqgħa wkoll mal-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Lawrence Gonzi, li appellalu biex jara li fil-Partit tirrenja l-għaqda. Tenna li b’ħidma flimkien biss, il-Partit Nazzjonalista jista’ jsir Gvern Alternattiv u l-għażla naturali tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Min-naħa tiegħu Bernard Grech irringrazzja lil Lawrence Gonzi talli kompla jimmodernizza lil pajjiżna, minkejja l-isfidi li ħabbatna wiċċna magħhom fl-aktar żminijiet ekonomiċi diffiċli tal-aħħar snin.

Qal li bħala l-ewwel Prim Ministru ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Lawrence Gonzi dejjem żamm ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fl-ogħla livell, fejn konna stmati u rispettati.

Matul il-jum, Bernard Grech kellu wkoll komunikazzjoni online mal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Illum, Simon Busuttil qed iservi bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew, fejn appella lill-Kap il-ġdid tal-Partit biex jara li l-ħidma fl-Unjoni Ewropea tkompli tkun ta’ fejda għall-pajjiż.

Tal-istess idea Bernard Grech, li faħħar l-impenn ta’ Simon Busuttil fl-isfera Ewropej u anke f’pajjiżna. Hu qal li għandna nkomplu naraw li sehem pajjiżna u l-Partit Nazzjonalista fl-Unjoni Ewropea jkompli jkun suċċess.