Lokali Saħħa

Is-settur tas-Saħħa qed jitlef il-kontroll tal-pandemija – MAPHM

“Il-Gvern bħal donnu għandu interessi aktar importanti milli jrażżan il-pandemija u jsalva l-ħajjiet”.

Sostniet dan l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċini għas-Saħħa Pubblika fejn qalet li pajjiżna qed jesperjenza l-agħar żmien s’issa tal-firxa tal-Covid-19 bil-Gvern ta’ Robert Abela assolutament jinjora l-appelli tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika biex jintroduċi numru ta’ miżuri biex jikkontrolla s-sitwazzjoni.

L-MAPHM insistiet li preżentament il-Case Management u d-dipartiment tal-Contact Tracing mhux ilaħqu mal-ammont qawwi ta’ każi u persuni involuti u għaldaqstant il-virus mhux qed jiġi kkontrollat sew, għad-detriment tas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.

L-Assoċjazzjoni spjegat ukoll li l-ITU huwa mimli b’każi ta’ persuni pożittivi għall-Covid-19, fil-maġġoranza tagħhom pazjenti li għandhom taħt is-sittin sena. L-MAPHM saħqet li l-maġġoranza taż-żgħażagħ rikoverati l-isptar b’dan il-virus ma kellhom l-ebda kundizzjoni ulterjuri u kienu jinsabu f’saħħithom qabel ma ġew infettati.

L-MAPHM sostniet li preżentament eluf ta’ persuni jinsabu taħt kwarantina bil-każi jfeġġu f’residenzi tal-anzjani, postijiet tax-xogħol, numru kbir ta’ familji u issa fil-jiem li ġejjin ammont kbir ta’ skejjel ser ikunu qed jiżdiedu mal-lista.

Għaldaqstant, kawża tan-nuqqas ta’ responsabbilità tal-Gvern Laburista, l-MAPHM appellat lill-pubbliku sabiex jagħmel is-segwenti:

  • Jilbsu maskra kullimkien inkluż fuq il-post tax-xogħol
  • Meta żżuru lill-qraba dejjem ilbsu maskra. Importanti li ma jkunx hemm tgħannieq u bews. Preferibilment tiltaqgħu fuq barra.
  • Jekk possibli, aħdem permezz ta’ telework.
  • Preferibilment kul id-dar jew ġib delivery.
  • Ixtri permezz ta’ online shopping.
  • Evita r-rassa.
  • Mhux żmien li torganizza attivitajiet soċjali għall-okkażjoni ta’ Halloween jew saħansitra tal-Milied.
  • Evita li tmur iċ-ċinema, barijiet, kafetteriji, pool jew gym.
  • Ħu t-tilqima tal-influwenza.
  • Jekk tħossok ma tiflaħx – toħroġx mid-dar.