Lokali

“It-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern b’riperkussjoni fuq l-ekonomija Maltija” – UĦM

Il-UĦM Voice of the Workers uriet it-tħassib tagħha li l-Kooperattiva tal-Foremen tal-Ħaddiema tax-Xatt ilha 13-il sena tistenna sabiex il-ftehim tagħha jiġi rivedut.

Il-union qalet li għamlet diversi tentattivi mal-Gvern, li minn naħa tiegħu wiegħed ħafna wegħdiet iżda sal-lum ma mmaterjalizza xejn.

L-għixien tal-familji ta’ dawn il-ħaddiema jiddependi mill-ftehim li jsir mal-Gvern, li minn naħa tiegħu għadu ma rrevedihx.

Il-UĦM Voice of the Workers għalhekk talbet li minnufih jitkomplew it-taħditiet mal-Gvern sabiex il-ftehim ma jibqax iktar pendenti u jkun hemm ġustizzja mal-foremen tal-ħaddiema tax-xatt u mal-familji tagħhom.

Il-Kooperattiva tal-Foremen tal-Ħaddiema tax-Xatt u l-UĦM Voice of the Workers fakkru f’laqgħa li saret mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u li fiha wkoll kienu ngħataw ir-raġun.

“Jidher li r-raġun ingħata biss bil-fomm għax il-Gvern għadu sal-lum jiċħad li jtejjeb l-pożizzjon ta’ dawn il-ħaddiema, iżda issa ma jistgħux jibqgħu jistennew.”

Il-UĦM Voice of the Workers fakkret li l-foreman tal-Ħaddiema tax-Xatt kienu indispensabbli fil-bidu tal-pandemija tal-Covid 19, b’servizz kruċjali li baqa’ jingħata biex il-merkanzija ddestinata għal Malta tibqa’ dieħla fis-suq Malti mingħajr xkiel.

Għaldaqstant, il-UĦM Voice of the Workers tat pre-avviż ta’ tilwima industrijali li tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru biex tappella lill-Gvern ħa jagħti l-importanza lill-Kooperattiva tal-Foremen tal-Ħaddiema tax-Xatt ħalli jiġi evitat inkwiet industrijali b’ebda riperkussjoni fuq l-ekonomija Maltija f’dan iżżmien sensittiv.