Lokali Qorti

Jelle Rijpma ammetta li qatel brutalment lil Shannon Mak fl-2018

Jelle Rijpma, eks ħaddiem Olandiż tal-igaming ta’ 24 sena, li kien akkużat bil-qtil tal-eks ħabiba u kollega tiegħu Shannon Mak ammetta fil-Qorti li kien hu li wettaq l-omiċidju.

Mak instabet mejta, b’gerżumita mħanxra, fi Triq il-Mastrudaxxi f’Santa Venera f’Awwissu tal-2018. Il-katavru taż-żagħżugħa nstab fit-triq f’għadira demm, ma’ ħajt. Fuq il-ħajt, kien hemm diversi marki tal-idejn bid-demm tagħha.

Rijpma dejjem ċaħad l-akkużi iżda għal raġunijiet li s’issa għadhom mhux magħrufa, biddel fehmtu għal waħda ta’ ħtija f’seduta quddiem il-Maġistrat Simone Grech.

Meta semgħet dan, il-Qorti kkonkludiet il-proċeduri u rreferiet il-każ lill-Qorti Kriminali biex tagħti l-piena tagħha kontra Rijpma, dan minħabba li l-piena għal omiċidju intenzjonat taqbeż il-kompetenza tal-Qorti tal-Maġistrati.

L-Avukat Stephen Tonna Lowell deher għall-akkużat. L-Avukat Stefano Filletti deher għall-familja ta’ Shanon Mak. L-Ispetturi Kurt Zahra u Robert Vella mexxew il-Prosekuzzjoni.