Lokali Parlament

Konferma ta’ att vendikattiv mill-Gvern fuq it-tifel ta’ Daphne Caruana Galizia

  • Jason Azzopardi, PN

Il-Gvern isostni li dan sar skont l-esiġenzi tas-servizz pubbliku

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li minn xhieda fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia irriżulta li kien sar att vendikattiv fil-konfront tad-diplomatiku Andrew Caruana Galizia, it-tifel tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia.

Fil-parlament Jason Azzopardi qal li wieħed md-doveri ta’ impjegati fil-korp diplomatiku hu li jagħtu l-ġurament u sostna li ħarġet aħbar xokkanti u gravi dwar l-aġir ta’ vendikazzjoni u bla raġuni biex saret azzjoni insensata f’Ġunju 2017 kontra Andrew Caruana Galizia, it-tifel ta’ Daphne Caruana Galziia li kien posted fl-Indija.

Din hi xhieda li ħarġet fil-qorti fl-inkjesta pubblika; liema inkjesta l-gvern ma riedx li ssir inkjesta pubblika.

Jason Azzopardi qal li l-Ministru Carmelo Abela f’Ġunju 2017 assuma l-inkarigu ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin. Mistoqsi għaliex fit-28 ta’ Ġunju d-dipolamtiku Malti Caruana Galizia kien imsejjaħ lura b’ġimgħatejn biss avviż, il-Ministru Carmelo Abela qal li ma kellu xejn kontrih iżda l-mistoqsija ma kienitx dik. Hu kien mistoqsi wkoll jekk ingħatax ordni minn Kastilja biex jagħti dik l-ordni iżda l-Ministru Abela qal li ma kienx qed jiftakar.

Fl-inkjesta xehdet l-ex Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li kkonfermat li fit-28 ta Ġunju 2017 ingħatat ordni mingħajr raġuni biex tordna lil Andrew Caruana Galizia fi New Delhi fejn kien ilu sena u xahrejn jagħmel xogħol eċċellenti.

Il-Kummissarju Ogħli Malti fl-Indja Steve Borg kiteb lis-Segretarju Permanenti u oġġezzjona għax ma kienx hemm ebda bżonn li Caruana Galizia jinġieb lura Malta għax ma kienx hemm nuqqas u għaliex il-Kummissjoni fi New Delhi kienet magħmula mill-Kummissarju Ogħli u Caruana Galizia biss.

Il-Ministru Carmelo Abela ta ordni bil-fomm lis-Segretarju Permanenti biex iġġib lura lil Caruana Galizia fi żmien 15-il ġurnata. Is-Segretarju Permanenti qaltlu li kienet se tikkonsulta iżda l-Ministru Abela qallha li d-deċiżjoni kellha tkun eżegwita. Tant ma kienx hemm emerġenza li meta Caruana Galizia inġieb Malta, tpoġġa bla xogħol fl-Uffiċċju għall-Affarijiet Barranin u sat-23 ta’ Ottubru 2017, ħallew lill-Kummissarju Ogħli waħdu fl-Indja.

Il-Ministru Carmelo Abela ried jagħmel offiża u kien il-messaġġier biex mingħalih ikisser ir-rieda u l-isprtu ta’ Daphne Caruana Galizia fil-perjodu meta kien hemm il-pjan biex tinqatel.

Dan hu abbuż ta’ poter li dwaru l-Ministru Abela u l-Prim Ministru għandhom jagħtu spjegazzjoni; f’pajjiżi barranin ikun hemm r-riżenji.

Il-Ministru Abela jrid jgħid jekk tqabbadx minn Joseph Muscat jew minn Keith Schembri biex iwettaq att vendikattiv kontra t-tifel ta’ Daphne Caruana Galizia, sostna Jason Azzopardi.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat wieġeb li mhux kull ministru li jitlob uffiċjal biex jiċċaqlaq minn postu għandu jirriżenja. Dan hu dritt fiċ-Ċivili biex is-settur pubbliku juża r-riżorsi li għandu kif l-aħjar li jħoss.

“Dak li ntqal llum hu assurdità”, sostna Alex Muscat, li kompla li kien tkellem mal-Ministru Abela fejn irriżulta li fil-posting tiegħu f’Malta l-Ministru Abela kien tkellem ma’ Andrew Caruana Galizia personalment u qabel dwar il-ħidma li kellu jwettaq Andrew Caruana Galizia.

Kien identifikat Andrew Caruana Galizia biex jiġi Malta propju għaliex kien identifikat bħala l-persuna ideonja biex iwettaq ix-xogħol assenjat lilu. Il-vendikazzjonijiet fit-trasferimenti ilhom li spiċċaw, sostna Alex Muscat, li qal li Jason Azzopardi kien qed ikun viljakk u kodard fil-kritika tiegħu.

Is-Segretarju Parlamentari Muscat kompla li Andrew Caruana Galizia fl-2014 ingħata promozzjoni mill-gvern Laburista għal 1st Secretary; promozzjoni li hi importanti ħafna. Dan it-trasferiment sar skont l-esiġenzi tas-servizz pubbliku, sostna Alex Muscat.