Lokali Qorti

Il-Ministru Abela ta ordni diretta biex id-diplomatiku Andrew Carauna Galizia jiġi lura mill-Indja malajr

Xahar wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017 il-Ministru Carmelo Abela ta ordni biex it-tifel ta’ Daphne Caruana Galizia, Andrew jispiċċa malajr mill-pożizzjoni tiegħu bħala diplomatiku fl-Indja. Abela kellem uffiċjal fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u ta direzzjoni biex iben il-ġurnalista maqtula jiġi lura Malta.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Fiona Formosa li taħdem il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u li fl-2017 kienet Segretarju Permanenti fil-Ministru. Dwar Andrew Caruana Galizia, it-tifel ta’ Daphne – qalet li dak iż-żmien kienu ilu sena l-Indja bħala diplomatiku.

Formosa qalet li Andrew Caruana Galizia għadu impjegat mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u li normalment l-impjieg f’pajjiż ieħor idum tliet snin. Saħqet li hu normali li jkun hemm xi tibdiliet tul it-tliet snin ta’ posting, bħal dak ta’ trasferiment għal xi mkien ieħor.

Formosa saħqet li mhux biss kellha direzzjoni mill-Ministru Carmelo Abela li iżda kien kellimha direttament biex Caruana Galizia jiġi lura. Hija qalet li illum Caruana Galizia jinsab fuq ‘unpaid leave’.

Mistoqsija mill-Bord għaliex ingħatat l-ordni biex Caruana Galizia jiġi malajr kell jista’ jkun qalet li ma tafx. Qalet li bejn 2011 u 2016 dan id-diplomatiku kien ġie posted Berlin.

Hija qalet li wkoll m’għandha l-ebda nformazzjoni li kien hemm xi problemi fuq il-performance tiegħu. Ix-xhud ikkonfermat fuq mistoqsija tal-Avukat Comodini Cachia li hi ngħatat ordni diretta mill-Ministru ta’ dak iż-żmien, Carmelo Abela, u tgħid li ma tiftakarx jekk iddiskutewx ir-raġuni għaliex.

L-Avukat Jason Azzopardi staqsa lix-xhud jekk tiftakarx jekk il-Kummissarju Għoli Steven Borg kienx ilmenta li ntemm l-impjieg ta’ Caruana Galizia. bix-xhud twieġeb fl-affermattiv.

Il-Qorti sadanittant ġiet ippreżentata b’numru ta’ emails u x-xhud tikkonferma li dawn jikkonċernaw lil Andrew Caruana Galizia u l-impjieg tiegħu. Hija kkonfermat ukoll li diplomatiku ieħor kien ħa post Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.

L-investigazzjonijiet dwar il-qtil għadhom għaddejjin

“L-investigazzjonijiet fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizija li nqatlet tliet snin ilu għadhom għaddejjin. It-task force ilha taħdem fuq il-każ sa mill-ġurnata meta nqatlet il-ġurnalista u l-Pulizija Maltija qed tikkollabora mal-Europol”.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra li kien l-ewwel xhud u wieħed mill-investigaturi fl-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Din kienet it-tieni darba li Zahra kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika li hija mmexxija mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

L-Ispettur Zahra qal li l-informazzjoni mill-apparat li ġabru l-pulizija ttieħdet fl-Olanda. L-informazzjoni bħalissa tinsab l-Olanda, għand il-Europol, u għand it-task force Maltija.

Meta kien qed iwieġeb għad domandi tal-Avukat Therese Comodini Cachia u l-Bord ta’ Inkjesta huwa qal li l-Avukat Ġenerali għandhiex kopja ta’ dan il-materjal sa fejn jaf hu, imma mhux ċert mija fil-mija.

Kompla jgħid li t-task force hija magħmula minn tmien uffiċjali tal-Pulizija u tinkludi wkoll uffiċjali tal-Europol, li għandha l-materjal kollu li ttieħed minn fuq l-apparat. Meta dan għadda għand it-task force, tqassam bejn il-membri tat-task force skont min kien qed jinvestiga liema parti tal-istess investigazzjoni.

Ix-xhud qal li din l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, li jinsab akkużat bil-kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ix-xhud jgħid li hemm xi materjal li għadu jrid jiġi investigat u li hu m’għandux l-evidenza kollha, għaliex kulħadd jinsab fuq xogħolu. Tenna wkoll li mill-investigazzjonijiet jidhru persuni li mhumiex qegħdin jiġu indizzjati b’dan id-delitt.

L-Imħallef Abigail Lofaro qalet li l-Bord għandu bżonn dan il-materjal qabel tingħalaq l-inkjesta, bl-Imħallef Emeritu Michael Mallia jistaqsi lill-Ispettur Zahra jekk mill-informazzjoni li ħadu mill-apparat hemmx rabtiet bejn nies akkużati bil-qtil ta’ Daphne, dawk li għandhom rabta mal-qtil u nies involuti fil-politika. Hawn l-Ispettur iwieġeb fl-affermattiv.

Hawn ix-xhieda tidħol aktar fil-fond bl-Ispettur Zahra jgħid li ċertu dettalji ma jistax jiżvelahom minħabba s-segretezza u għalhekk ġie deċiż li jkompli jixhed fil-magħluq fejn għandu jagħti l-ismijiet tal-persuni li jissemmew mill-materjal li l-Europol ħadet minn fuq l-apparat li ġabru l-Pulizija.

L-għan tal-inkjesta huwa li tistabbilixxi jekk il-qtil ta’ Caruana Galizia setax ġie evitat u jekk l-Istat bl-azzjonijiet jew in-nuqqasijiet tiegħu setax għen biex tinħoloq klima li fih l-assassinju seta’ jseħħ. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru bħala parte civile f’isem il-familja Caruana Galizia 

Nhar il-Ġimgħa fid-9.30am għandu jixhed il-Ministru tal-Ġustizzja Edwar Zammit Lewis.