Ekonomija Lokali

L-Istitut tal-Accountants se jinvestiga każi ta’ mġieba ħażina

Il-Malta Institute of Accountants se tkun qed tinvestiga allegati każ ta’ kondotta ħażina li jinvolvu professjonisti membri tal-istess Istitut.

F’diskors li għamel waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, il-President tal-MIA Fabio Axisa insista fuq il-fatt li l-kwalità tal-istandards fil-professjoni hija aspett fundamentali u li għalhekk “numru ta’ accountants, li huma jew li kienu membri tal-Istitut, u li kienu marbutin direttament jew indirettament ma’ allegazzjonijiet ta’ kondotta ħażina bħala professjonisti, se jiġu investigati”.

Axisa qal li l-Istitut wieġeb b’mod immedjat għal dawn l-allegazzjonijiet u sostna li investigazzjoni dettaljata kienet meħtieġa qabel ma jittieħdu proċeduri dixxiplinarji, hekk kif l-individwi msemmija ntalbu jagħtu l-verżjonijiet tagħhom u jressqu l-evidenza meħtieġa.

“L-individwi kkonċernati rrifjutaw li jikkallaboraw mal-Istitut bl-argument li għandhom parir legali li jekk jikkollaboraw, se jippreġudikaw il-każ tagħhom. L-Istitut kompla jżomm pożizzjoni soda dwar dan, u għalhekk, dawn l-individwi ddeċidew li jirreżenjaw mill-Istitut flok jikkollaboraw. L-intenzjonijiet ċari tagħna kienu li ninvestigaw u li nieħdu deċiżjonijiet dixxiplinarji”.

“Issa, il-membri kollha tal-Istitut li kienu involuti, direttament jew indirettament f’dawn il-kwistjonijiet, intalbu jew se jintalbu jippreżentaw evidenza ta’ jekk fil-ħidma tagħhom kienux konformi mal-valuri ċentrali tal-Istitut tagħna u l-professjonijiet, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħna. Fejn hemm bżonn, se nieħdu passi dixxiplinarji, b’mod partikolari fejn il-proċeduri jsibu li membru dgħajjef ir-reputazzjoni tajba tal-Istitut u l-professjoni tagħna.

Il-President Axisa fakkar li filwaqt li l-Istitut mhux ir-regolatur, u li jista’ jaġixxi biss fil-konfront ta’ membri tal-Istitut, l-MIA se tagħmek segwitu ta’ dawn il-proċeduri dixxiplinarji mal-Accountancy Board biex tiżgura li l-azzjonijiet xierqa u determinati mir-regolatur tal-professjoni jkunu meħuda.

Fabio Axisa insista fuq il-fatt li l-Istitut ma kritikax l-Accountancy Board u l-membri tiegħu fil-pubbiku, ma jfissirx li huwa sodisfatt fil-qafas regolatorju attwali.

“L-infrastruttura regolatorja tal-professjoni mhix b’saħħitha biżżejjed u l-Istitut se jkompli jinsisti mal-Gvern fuq bidliet li hemm bżonn fejn għandu x’jaqsam kif jiġi ffurmat l-Accountancy Board, il-mekkaniżmu ta’ kif jiġu appuntati l-membri, il-finanzjament tiegħu, l-istruttura u l-kwalità tal-liġijiet li jirregolaw lill-istess Bord, fost l-oħrajn. Għalkemm aħna konna f’diskussjonijiet mal-Bord biex nispjegaw l-opinjoni tagħna, aħna ressaqna proposti formali lill-Prim Ministru u l-Membri tal-Kabinett u mhux se niefqu qabel ma dawn il-proposti jiġu implimentati bħala priorità.”

Fabio Axisa qal li l-opinjonijiet tal-Istitut, bħala rappreżentant tal-akbar professjoni f’Malta, jgawdu mir-rispett tal-pubbliku u entitajiet proefssjonali. Fl-aħħar sena, saru wkoll diskussjonijiet kontinwi mal-membri, awtoritajiet u entitajiet oħra kkonċernati biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ewlenin li jaffettwaw lill-professjoni u lis-suq, inkluż il-panemija u r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-MONEYVAL.

Fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill wara l-AGM, il-Kunsill eleġġa lis-Sur Fabio Axisa bħala President, is-Sur David Delicata bħala Viċi President, is-Sur Noel Mizzi bħala Segetarju u, Franz R. Wirth bħala Teżorier.

Seba’ membri ġodda ssieħbu fil-Kunsill għal terminu ta’ sentejn. Dawn huma Annabelle Zammit Pace, Christopher Balzan, David Delicata, Fabio Axisa, nIvan Grixti, Jonathan Dingli u Shawn Falzon. Huma jingħaqdu ma’ Christian Gravina, Etienne Borg Cardona, Franz R. Wirth, Lucienne Pace Ross, Mark Bugeja, Noel Mizzi, William Spiteri Bailey li t-terminu tagħhom jiskadi fl-2021.

Bl-għan li jkompli jsaħħaħ il-kwalità u l-istandards tal-professjoni, l-MIA qed taħdem fuq diversi proġetti importanti. Dawn jinkludi emendi għall-Att li jirregola l-istess professjoni, b’mod li ċertu servizzi definiti minn qabel ikunu jistgħu jingħataw biss minn accountants bil-warrant, u li jkunu biss dawn il-professjonisti li jistgħu jużaw dan it-titlu, barra minn gwidi settorjli dwar l-AML/CFT flimkien mal-FIAU.

Il-membri approvaw in-nomina ta’ John Bonello bħala Chairperson tal-Kumitat ta’ Dixxiplina tal-MIA u ta’ Lino Casapinta bħala Deputat Chairman. Anthony Zarb, Chris Galea, Elisabeth Carbonaro, Elvia George, u Paul Mercieca, kienu approvati bħala membri tal-Pool tal-Appelli tal-MIA li jilqa’ l-appelli tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Dixxiplina.

Ikkummenta