Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Lockdowns parzjali u possibbiltà ta’ curfews madwar l-Ewropa

Il-morsa tal-pandemija COVID-19 qed tkompli tippersisti madwar l-Ewropa hekk kif għadd ta’ pajjiżi qed idaħħlu miżuri stretti, saħansitra b’lockdowns parzjali u possibbiltà ta’ curfews.

Fir-Repubblika Ċeka ddaħħal lockdown parzjali hekk kif ingħalqu l-iskejjel, id-dormitorji Universitarji u l-bars filwaqt li mill-Erbgħa filgħaxija, fl-Olanda se jingħalqu l-kafetterija u r-ristoranti għall-4 ġimgħat li ġejjin.

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, l-Erbgħa filgħaxija se jindirizza lin-nazzjon, b’rapporti jindikaw il-possibbiltà ta’ curfew li jibda fit-8 jew l-10 ta’ filgħaxija fi bliet li ghandhom rata għolja t’infezzjoni, fosthom Pariġi.

U fir-Renju Unit, mill-Erbgha ddaħħlu restrizzjonijiet ġodda madwar il-pajjiż maqsuma fuq sistema ta’ 3 livelli. Għalkemm ħafna mill-pajjiż se jkun suġġett għal-livelli baxxi u medji tar-restrizzjonijiet, fin-naħa tat-tramuntana u l-Midlands hemm restrizzjonijiet aktar ħorox li jinkludu, fost l-ohrajn li wieħed ma jkunx jista’ jivvjaġġa ‘l barra miż-żona, lanqas iżur qraba u ħbieb oħra fi djarhom u li ma jinġabarx fi gruppi t’aktar minn 6 persuni fil-pubbliku.