L-editorjal tat-Times of Malta jiddeskrivi bħala skjetta u prattika l-vizjoni ekonomika tal-Partit Nazzjonalista fid-dokument ta’ qabel il–Budget.

Skont it-Times, dan id-dokument jagħmel aktar milli sempliċiment jipproponi l-mossi tattiċi li jwasslu lill-pajjiż għal riġenerazzjoni ekonomika.
L-editorjal jgħid li huwa diffiċli biex wieħed jipprevedi meta l-pajjiż se jirnexxielu jegħleb l-isfidi ekonomiċi li qed jiffaċċja fil-preżent. Dokumenti bħal dak li ppubbklika l-Partit Nazzjonalista bi proposit għall-budget li jmiss għandhom l-għan li jħarsu lura u jelenkaw is-suċċessi u l-fallimenti ta’ pajjiżna f’dik li hi prestazzjoni ekonomika fl-aħħar xhur. Iżda b’mod speċjali fi żmien ta’ sfida bħal ma hu dan li qed ngħixu llum, għandhom iħarsu wkoll ‘il quddiem u jagħmlu riflessjoijiet strateiġiċi dwar kif il-Gvern għandu jidderieġi ‘l-vapur tal-istat’.
Fl-isfond tas-sitwazzjoni xejn normali li tefgħetni fiha l-pandemija, id-dokument tal-PN għal qabel il-budget jelenka erba’ oqsma kruċjali fl-ippjanar ekonomiku u fiskali u li jridu jingħataw priorità sabiex pajjiżna jirpilja malajr kemm jista’ jkun.
L-ewwel priorità għandha tkun is-salvagwardja tal-impjiegi. Dan hu kruċjali kemm għas-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna imma anke mil-lat soċjali.

It-tieni qasam li jsemmi dan id-dokument hu dak tal-SMEs jew l-intrapriżi żgħar u medji li jeħtieġu għajnuna mill-Gvern biex jibgqħu joperaw fl-ambjent ostili li ġabet magħha l-pandemija.

L-industrija tal-kultura, bħal dawk tal-akkomodazzjoni u l-ikel ilkoll għandhom bżonn li jingħataw stimolu li għandu jkun estiż ukoll fuq setturi oħra.

Ir-raba’ punt li jsemmi d-dokument tal-PN hu l-bżonn immedjat li nerġgħu nikkunsidraw l-istrateġija ekonomika li konna qed nużaw u li kienet ġa qed turi sinjali inkwetanti qabel ma faqqgħet il-pandemija. Minkejja d-dħul sostanzjali mill-bejgħ tal-passaporti per eżempju, din l-iskema għamlet ukoll ħsara kbira lir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Il-prebudget document tal-PN jitkellem dwar kif il-politika tat-turiżmu tal-massa tista’ ma tkunx sostenibbli fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Id-dokument jisħaq li t-tieni sett ta’ miżuri ta’ għajnuna li l-Gvern mistenni jħabbar fil-budget għandhom jinkludu mhux biss dawk l-oqsma li huma importanti ekonomikament, imma anke dawk li għandhom importanza għas-soċjetà sħiħa.
Il-PN jenfasizza l-bżonn li ż-żgħażagħ jibqgħu jingħataw għajnuna biex jixtru l-propjetà tagħhom kif ukoll il-ħtieġa ta’ għajnuna lill-media houses sabiex ikomplu jagħtu kontribut siewi lill-proċess demokratiku fis-soċjetà.
Minflok il-Gvern jakkuża lill-Oppożizzjoni li kkupjat il-proposti fil-pre-budget document tagħha, għandu juża ħinu biex jagħraf sew l-importanza li jwieżen għal darboħra s-sostenibbilità ta’ xi aspetti mill-istrateġija ekonomika li uża sa issa.
//= $special ?>