Edukazzjoni Lokali Saħħa

Proposti tal-PN fl-Edukazzjoni u s-Saħħa biex verament ikollna ekonomija li taħdem għan-nies

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli qal il-budget li se jiġi ppreżentat din is-sena mill-gvern irid ikun eżerċizzju ta’ management finanzjarju u viżjoni ekonomika imma fiċ-ċirkostanzi partikolari irid ikun ukoll ezerċizzju ta’ leadership f’sitwazzjoni ta’ sfida kbira li qed jaffaċċja pajjiżna bl-imxija tal-COVID; li qed taffettwa kull settur ekonomiku u soċjali. Fil-Pre-Budget Document li qed jippreżenta l-PN, qed insemmu ekonomija li taħdem għan-nies; anke mil-lat ta’ edukazzjoni.

L-aħbar li fl-aħħar 24 siegha kellna żieda ta’ 111 il-persuna oħra li nstabu pożittivi għall-COVID-19 hija ferm inkwetanti. Il-każi attivi telgħu għal ftit inqas minn elf persuna. L-unions, l-edukaturi u l-ġenituri huma mħassba ferm bis-sitwazzjoni. U aħna bħalhom ninsabu mħassba għax:

  1. Il-protokolli għall-edukazzjoni ħarġu tard u l-Gvern beda jimplimenta l-miżuri tard. Il-gvern ma ppjanax u ma kienx ppreparat biżżejjed biex jiftaħ s-sena skolastika fil-ħin bil-miżuri kollha ta’ saħħa u sigurtà u bl-implikazzjonijiet kollha kurrikulari li l-protokolli jġibu magħhom.

A. TELESKOLA – Kien hemm ittardjar fl-applikazzjonijiet għal min irid jagħmel il-kontenut.

  • Huwa minnu li min qieghed id-dar bhalissa m’ghandux online learning bil-kontenut li suppost?

B. GĦALLIEMA LI MA KINUX JAFU T-TIME TABLE LI SE JGĦALLMU L-ĠIMGHA TA’ WARA –

  • Higher Secondary – Ittardjar fit-time tables, il-protokolli ta implimentazzjoni m’humiex f’posthom; inkluż indafa. Fl-istess skola, is-sistema tal-internet tinsab fi stat ħażin tant li waqgħet ilbieraħ.
  • Huwa ċar li l-Ministeru tal-Edukazzjoni, sal-lum, mhux preparat għall-agħar każ possibli li jista’ jinqala. Kien stinat li jiftaħ akkost ta’ kollox u għadu mhux preparat biex jagħti tagħlim ta’ kwalità jekk ikun kostrett jagħlaq l-iskejjel.
  1. It-tħassib qed joħroġ ukoll mill-fatt li ħadd ma jista jifhem, u l-Ministru ma jridx jgħid, x’inhu l-limitu ta’ riskju aċċettabli għall-Gvern. Fl-opinjoni tal-gvern, sakemm huwa sigur li toffri edukazzjoni mill-iskejjel?
  2. L-assigurazzjonjijiet tal-gvern li huwa preparat, m’humiex aċċettati mill-għalliema li sal-bieraħ għadom joħorġu d-direttivi u jitolbu laqgħat mal-gvern sabiex jifhmu eżatt x’qed jiġri. Il-konsensus ġenerali huwa ta’ inkompetenza fit-tmexxija tas-settur edukattiv. Il-konsensus huwa li f’sitwazzjoni bħal din aktar jeħtiġilna Ministru li jifhem dak li qed jiġri mhux ministru maqtugħ f’dinja għalih.

Il-Kelliem tal-PN għas-Saħħa Stephen Spiteri rringrazzja lill-frontliners li b’tant dedikazzjoni qegħdin jaffaċċjaw sfida bla preċedent fil-qasam tas-saħħa. Id-dokument ta’ qabel il-baġit tal-Partit Nazzjonalista huwa bbażat fuq, fost l-oħrajn, il-problemi li ġabet magħha l-pandemija li ħasdet lid-dinja kollha nkluż pajjiżna, fejn qed naraw in-numri kontinwament jiżdiedu u għalhekk sfortunatament nistgħu nitilfu l-kontroll u naraw aktar mwiet fost in-nies. Hija wkoll ta’ tħassib għall-Oppożizzjoni l-pressjoni li teżisti fuq is-sistema tas-saħħa, bi swali full-up u pazjenti li jeħtieġu kura iżda ma jkollhomx fejn jiġu rikoverati. Din is-sitwazzjoni se tkompli tiggrava hekk kif aktar nies jimirdu b’mard ieħor u jkunu jeħtieġu kura, għaldaqstant fid-dokument ta’ qabel il-baġit, qed nipproponu investiment fil-prevenzjoni ta’ mard ieħor u aktar preparamenti għal emerġenzi oħra fil-futur.

Spiteri qal li dawn l-isfidi li għandna quddiemna jeħtieġ li nindirizzawhom malajr kemm jista’ jkun sabiex nissalvagwardjaw lill-anzjani u l-vulnerabbli tagħna. Inkunu irresponsabbli jekk l-imwiet li ta’ kuljum qed nisimgħu bihom ma nieħduhomx bis-serjetà; għaldaqstant huwa importanti li l-gvern ikompli jinvesti f’sistema ta’ contact tracing effiċjenti u iktar infurzar. Huwa essenzjali wkoll li nirrikooxxu l-oqsma oħra li sofrew l-impatt tal-COVID-19, bħal dak tas-saħħa mentali, li issa ħareġ aktar fid-deher l-urġenza li hemm li jsir investiment b’saħħtu għaliex l-isptar Monte Carmeli huwa nieqes mill-infrastruttura meħtieġa. Qed nifhmu aktar ukoll l-ħtieġa ta’ aktar kura u riżorsi umani fil-komunità. Fid-dokument ta’ qabel il-baġit, qed nirrikonoxxu ż-żieda fil-mard trasmess sesswalment u għalhekk qed nipproponu li l-GU Clinic ikun mgħammar b’aktar riżorsi umani u naraw li tingħata kura ħolistika għal din il-problema.