“Ilna xhur sħaħ ngħidu lill-Gvern Laburista li l-industrija tat-turiżmu se tgħaddi minn diffikultajiet kbar u tispiċċa għarkubtejha u kien għalhekk li mal-ewwel bdejna noħorġu bil-proposti tagħna. Proposti konkreti li l-PN ħareġ ukoll fid-Dokument ta’ Qabel il-Baġit.”, hekk qal il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma’ Therese Comodini Cachia dwar il-proposti għat-turiżmu u s-settur kreattiv.
Robert Arrigo qal li l-proposti li ressqet l-Oppożizzjoni għas-settur tat-turiżmu huma konkreti u jaħsbu għall-futur mhux bħall-Gvern Laburista li m’għandux pjan fit-tul. Dan meta jeħtieġ li tingħata għajnuna f’waqtha u pronta u li tħares lejn sitt xhur oħra. Huwa qal li f’dawn iż-żminijiet huwa essenzjali li l-prodott Malti jiġi upgraded minnufih.
Robert Arrigo tkellem dwar il-bżonn ta’ monitoring tan-numri tal-imxija tal-COVID-19 madwar l-ibliet fl-Ewropa fejn twettaq titjiriet l-Air Malta biex l-Aworita’ għat-Turiżmu tista’ tkun flessibbli fil-marketing u meta nħarsu lejn late bookings, il-flessibbilta’ tat-titjiriet għandha tkun aħjar. Huwa qal li mis-settur tat-turiżmu jiekol kulħadd u għalhekk jeħtieġ pjan serju fejn ħadd ma jitħalla barra.
Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħti sehemu kemm fil-Parlament u barra filwaqt li se jibqa’ jikkonvinċi lill-Gvern biex jaddotta iżjed proposti li jsiru mill-Oppożizzjoni.
Therese Comodini Cachia qalet li l-miżuri li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi għas-settur kulturali u kreattiv jindirizzaw l-isfidi kurrenti ta’ professjonisti f’dan is-settur u jipprovdu mezz kif nistabbilixxu investiment u introjtu sostenibbli għal min jopera f’dan il-qasam. Hija qalet li nirrikonoxxu s-sagrifiċċji kbar li professjonisti fis-settur jagħmlu sabiex iwettqu proġetti u qegħdin b’dawn il-proposti nappoġġjaw l-isforzi tagħhom u nipprovdu sostenibbilità.
Comodini Cachia qalet li dawn il-professjonijisti jeħtieġ li jkunu fiċ-ċentru ta’ dawn il-miżuri u għalhekk il-PN qiegħed iressaq proposti immirati sabiex ma jintilifx it-talent. Dan jista’ jsir billi ninċentivaw revenue streams, ninvestu f’medja ta’ distribuzzjoni ġodda u fi produzzjonijiet ġodda. Hija spjegat li f’dawn il-proposti, il-PN qiegħed jagħti attenzjoni speċifika lis-settur tal-midja.
Ir-raba pilastru tad-demokrazija qiegħed jaffaċċja sfidi serji u l-konsegwenzi miġjuba minn tibdil fil-konsum ta’ aħbarijiet u nuqqas kbir ta’ introjtu mir-reklamar. Jeħtieġ li nassiguraw id-dritt ta’ informazzjoni ta’ kull persuna permezz ta’ media b’saħħitha, pluralistika u ħielsa, bi standards għolja u ġurnalizmu ta’ kwalità. Comodini Cachia qalet li sabiex isir hekk, huwa essenzjali li ikun hemm l-għajnuna finanzjarja diretta anke lil dan is-settur. Għal dan il-għan, il-PN qed iressaq disa’ proposti speċifiċi għal dan is-settur.
Il-PN jemmen b’mod partikolari li għandu jinbeda b’mod immedjat djalogu nazzjonali fuq il-finanzjament tal-midja bl-iskop li jissaħħah ir-raba’ pilastru tad-demokrazija.
Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isfidi fit-Turiżmu f’Dinja Ġdida Robert Arrigo u mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, l-Kultura u l-Midja Therese Comodini Cachia.
//= $special ?>