Internazzjonali

COVID-19: Ir-restrizzjonijiet ta’ livell għoli jsiru ‘realtà’ għal aktar min-nofs il-poplu tal-Ingilterra

‘Il fuq min-nofs tal-popolazzjoni fl-Ingilterra minn issa ‘il quddiem se jkunu qed jgħixu taħt restrizzjonijiet ‘intensivi’ u f’sitwazzjonijiet li jirrikjedu stat ta’ allert għoli b’riżultat tal-firxa tal-coronvirus fil-pajjiż.

Fil-fatt, miljuni ta’ nies f’Londra, Essex, York u bnadi oħra tal-Ingiltera, mis-Sibt se jiffaċċjaw il-miżuri riġidi ‘anti-Covid-19’ – magħrufin ukoll bħala ta’ Tier 2. Dan kien ikkonfermat mis-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock waqt diskors li hu għamel f’Londra, ftit tal-ħin ilu.

Irid ikun deċiż ukoll jekk ir-reġjun ta’ Greater Manchester – fejn żbruffaw numru kbir ta’ infezzjonijiet ġodda – għandux ikun suġġett għal-livell massimu ta’ miżuri ġodda magħrufin bħala ‘Tier 3’.

L-istat tal-allert għoli b’konsegwenza tal-Covid-19 ma jippermettix, fuq kollox, li n-nies jitħalltu ġo postijiet magħluqin — minbarra li jimponi anki limitazzjonijiet għal-laqgħat ta’ familji fi djarhom.

Intant, is-Segretarju Hancock, waqt messaġġ lill-Parlament ta’ Londra, qal li ‘l-affarijiet iridu jaqilbu għall-agħar sakemm il-poplu jkun jista’ jara titjib’. Hu sostna li filwaqt li jifhem li l-miżuri huma diffiċli għal kulħadd, iridu jittieħdu bilfors b’reazzjoni għal din il-pandemija bla preċedent’.

Hancock ammetta li r-restrizzjonijiet ġodda jinvolvu l-aktar għażliet diffiċli li qatt kellu jagħmel Gvern Britanniku fi żmenijiet ta’ paċi. Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Londra, Sadiq Khan, ukoll esprima l-inkwiet dwar il-kriżi tas-saħħa li qed tikber u sostna li ‘mhemmx triq oħra ħlief dawn ir-restrizzjonijiet li se jikkumplikaw il-ħajja għal miljuni ta’ Britanniċi’.

Il-coronavirus, intant, kompla jinfirex madwar id-dinja, fost il-konferma ta’ aktar minn 38 miljun każ if’189 pajjiż — u ‘il fuq minn miljun vittma.