Lokali Qorti

Data ta’ terzi mill-mobile ta’ Yorgen Fenech m’għandhiex tkun pubblika – id-difiża

L-Avukati ta’ Yorgen Fenech qed jitolbu lill-Qorti li qed tippresiedi il-kumpilazzjoni tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, biex tiżgura li dejta elettronika li tikkonċerna partijiet terzi li mhumiex relatati mal-każ, ma tkunx żvelata fil-pubbliku.

It-talba saret f’applikazzjoni ppreżentata mill-Avukati tan-negozjant li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Caruana Galizia permezz ta’ splużjoni ta’ karozza bomba qrib id-dar tagħha fil-Bidnija, fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Ir-rekords tal-inkjesta dwar il-qtil ġew ippreżentati matul l-aħħar seduta fil-proċeduri tal-kumpilazzjoni fis-6 ta’ Ottubru. Dawk ir-rekords voluminużi kienu jinkludu dejta elettronika kif ukoll kopja ta’ dejta mill-mowbajl ta’ Fenech. L-apparat għadu fil-pussess tal-Europol.

Il-mobajl għandu jiġi ppreżentat fil-Qorti mill-uffiċjali tal-Europol fil-ġimgħat li ġejjin, kif iddikjarat mill-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Keith Arnaud meta xehed fil-kumpilazzjoni tal-qtil.

Dan kien ikkonfermat ukoll mill-Ispettur Kurt Zahra meta xehed nhar l-Erbgħa fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista. Madankollu, l-Avukati rrimarkaw li d-dejta elettronika msemmija kienet tinkludi informazzjoni relatata ma’ partijiet terzi li kienu ċittadini privati, totalment mhux relatati mal-każ.

L-iżvelar tad-dejta kollha fil-pubbliku jippreġudika d-dritt għall-privatezza tal- ndividwi bħal dawn u ma jservix l-interessi tal-ġustizzja, sostnew l-Avukati, u rrimarkaw li kien hemm diġà diversi ‘leaks’ ta’ dejta mill-mowbajl ta’ Yorgen Fenech, kif jixhdu r-rapporti tal-midja.

Tħassib simili kien ġie espress waqt seduta preċedenti tal-kumpilazzjoni, fir-rigward tat-telefowns ċellulari u apparat ieħor li jappartjeni lil Melvin Theuma, qalu l-Avukati.

F’dik l-okkażjoni, il-Qorti laqgħet suġġeriment għat-twaqqif ta’ kamra tad-dejta, li tippermetti aċċess għall-partijiet kollha għall-iskop li tagħżel dik id-dejta li kienet rilevanti għall-każ.

Għal din ir-raġuni, l-avukati kienu qegħdin jagħmlu talba simili fir-rigward ta’ Fenech, u talbu lill-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, biex taħtar espert li jkun inkarigat li jwaqqaf din id-data room, li tkun aċċessibbli b’mod limitat għall-partijiet u għall-iskop li tintgħażel id-dejta rilevanti għall-każ. L-Avukati Gianluca Caruana Curran, Charles Mercieca u Marion Camilleri ffirmaw l-applikazzjoni.