Coronavirus Lokali Saħħa

Gvern tal-Labour li l-uniku rekord li qed jikser huma rekords li jħammrulu wiċċu – Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jindirizza l-ewwel summit tiegħu tal-Partit Popolari Ewropew

Ilum wara nofsinhar il-Kap tal-Oppozizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ipparteċipa b’mod virtwali fl-ewwel summit tiegħu tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) mindu nħatar fil-kariga.

Bernard Grech iddiskuta numru ta’ temi fosthom l-importanza tas-saltna tad-dritt għall-Partit Nazzjonalista u għal pajjiżna, imma anke għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment għall-Partit Popolari Ewropew. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni u kif din qed tkompli tolqot lil diversi pajjiżi imma wkoll lill-Unjoni Ewropea u enfasizza kemm hu importanti li l-pajjiżi membri jibqgħu jaħdmu flimkien sabiex din id-diffikulta’ li qed taffettwa wkoll lil pajjiżna tiġi indirizzata b’mod iktar inċiżiv li jibdew iwasslu għal riżultati. Bernard Grech qal kif f’seba’ snin ta’ Gvern Laburista, daħlu Malta mat-80,000 immigant, u hu propju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jrid li tissejjaħ Konferenza Nazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Immigrazzjoni sabiex flimkien mal-istakeholders kollha, politiċi, membri tal-Parlament Ewropew, rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, Kunsilli Lokali, awtoritajiet, unjins, min iħaddem, is-soċjetà ċivili u għaqdiet fost l-oħrajn, tiġi evalwata s-sitwazzjoni preżenti, l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u titħejja l-bażi għal proposti nazzjonali li jwasslu għal politika li tagħti direzzjoni lil kulħadd.

Fl-intervent tiegħu, Bernard Grech tkellem ukoll fuq il-pandemija tal-COVID-19 u saħaq fuq il-ħtieġa li kull gvern ta’ kull pajjiż, imma wkoll fuq livell tal-Unjoni Ewropea, din id-diffikulta’ tiġi indirizzata. Qal ukoll li anke f’pajjiżna, rridu naraw aktar ħidma ħalli din id-diffikulta’ mhux biss nitkellmu dwarha iżda nibdew ukoll insibu s-soluzzjonijiet li jridu jitpoġġew fil-prattika u mhux naħarbu minnhom kif għamel lokalment il-Gvern tal-Labour, li l-uniku rekord li qed jikser huma rekords li jħammrulu wiċċu.

Dan wara rekord ieħor ta’ kazijiet illum hekk kif pajjiżna issa għandu iktar minn elf każ ta’ COVID-19 għall-ewwel darba. Minkejja dan, saħaq Grech, il-Prim Ministru Malti ma skużax ruħu ma’ min tilef lil qrabatu, ma serraħx moħħ l-istudenti, l-ġenituri u l-għalliema u għadu ma assigurax lin-negozji li għandu strateġija biex id-dhul u l-impjiegi ma jintilfux.