Lokali

“Il-ħmieġ u l-korruzzjoni qatlu lil Daphne” – Repubblika

Repubblika ssejjaħ għall-ippublikar tal-ftehim tal-power station

“Il-Prim Ministru Robert Abela għandu l-obbligu quddiem il-poplu Malti li jippubblika b’mod sħiħ u immedjat il-ftehim skandaluż li Konrad Mizzi iffirma mal-kumpanija SOCAR dwar ix-xiri tal-gas għall-power station.” – Hekk saħqet l-għaqda Repubblika fi stqarrija.

Huma fakkru li dan il-ftehim kien iffirmat fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt żjara fl-Azerbaijan. Għal din iż-żjara Keith Schembri u Kurt Farrugia biss kienu preżenti, waqt li inħbiet mill-ġurnalisti.

Repubblika qalet li r-rivelazzjonijiet  minn The Shift News, mibnija fuq emails li kienu mgħoddija lil Daphne Caruana Galizia, jikxfu xibka ta’ ħabi u ħmieġ li Robert Abela huwa obbligat li jindirizza.

L-istqarrija kompliet tgħid li jumejn oħra jaħbat it-tielet anniversarju tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-iskandlu li ħareġ ikompli jikkonferma il-ħtieġa li ssir inkjesta indipendenti dwar il-kuntratt maħmuġ tal-għoti tal-power station u l-obbligu li għandhom is-sidien tal-Electrogas li jindirizzaw dan il-ħmieġ.

Repubblika temmet tgħid li “il-ħmieġ u l-korruzzjoni qatlu lil Daphne.”

Dan filwaqt li fakkru lil Robert Abela u lis-sidien tal-Electrogas li min ma jagħmel xejn quddiem il-korruzzjoni, huwa korrott hu wkoll.