Internazzjonali

Il-Libja: Arrestat traffikant ewlieni tal-immigranti

L-Awtoritajiet fi Tripli arrestaw raġel magħruf sew mal-Interpol bħala protagonista fit-traffikar tal-immigranti.

L-arrest ta’ Abd al-Rahman al-Milad — magħruf bħala Bija — seħħ fl-aħħar sigħat u kien ikkonfermat mill-Gvern tal-Libja li jgawdi l-għarfien internazzjonali.

Fl-2018, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kien impona s-sanzjonijiet fuq Milad u ħames irġiel oħra b’konnessjoni mat-traffikar tan-nies fil-Libja.Dan il-pajjiż ,fl-aħħar snin, sar ‘rotta ewlenija’ għall-movimenti ta’ immigranti illegali lejn l-Ewropa.

Il-gruppi favur id-drittijiet umani fil-Libja qed jgħidu li l-immigranti f’dan il-pajjiż Afrikan qegħdin ikunu suġġetti għal livelli inaċċettabbli ta’ vjolenza u abbuż.

L-Ambaxxata Franċiża fil-Libja laqgħet b’sodisfazzjon l-arrest ta’ Milad u fissritu bħala ‘żvilupp importanti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin’.

Minbarra l-mandat ta’ arrest internazzjonali fil-konfront tiegħu, qed jingħad li Milad kien imfittex ukoll biex iwieġeb għal allegati ‘reati’ li seħħew fil-Libja proprja.

Madankollu, diffiċli biex wieħed jikkonkludi l-arrest ta’ persuni (fil-Libja) li jispiċċaw suġġetti għal mandat ta’ arrest internazzjonali. Dan minħabba r-rwol influwenti u konsiderevoli tal-gruppi tal-milizji lokali fil-pajjiż partikulari.