Fi ftit tal-jiem kien hemm żewġ każijiet oħra li juru kif Transport Malta u Infrastructure Malta ma jikkomunikawx id-deċiżjonijiet tagħhom man-nies meta dawn ma jkunux għażliet jew aħbarijiet popolari.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputati Toni Bezzina u Jason Azzopardi.
Ftit tal-jiem ilu, ħaddiema ta’ Infrastructure Malta marru jibdew xogħolijiet fi Sqaq Museum u d-Daħla tas-Sienja Ħad Dingli mingħajr ma infurmaw lir-residenti tal-inħawi jew imqar l-bdiewa li fl-għelieqi tagħhom se jsir l-iżvilupp. In-nuqqas ta’ konsiderazzjoni lejn ir-residenti u n-nies tkompli toħroġ fil-beraħ meta lbieraħ inbeda l-qtugħ ta’ żewġ ħarrubiet li għandhom 400 sena, ġurnata biss wara li nħareġ il-permess mill-ERA meta suppost il-pubbliku għandu perjodu ta’ 30 ġurnata biex jappella d-deċiżjoni. Dan ikompli juri gvern li għaddej gaffa mingħajr ebda ħsieb lejn in-nies.
In-nuqqas ta’ attenzjoni lejn dak li qed iħasseb lin-nies tidher ukoll fi Transport Malta, fejn kellhom jgħaddu tliet ġimgħat u kien biss għax tkellem id-deputat parlamentari Dr Jason Azzopardi, biex Transport Malta temmetti li fil-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Settembru, s-servers ta’ TM sofrew cyber-attack u possibilment ġiet misruqa informazzjoni sensittiva tal-impjegati u l-kumpanija.
Insaqsu lill-Ministru Ian Borg li taħtu taqa’ l-entità Transport Malta:
– Għalfejn kellhom jgħaddu 20 ġurnata sabiex ħarġet ċirkolari biex jkunu infurmati l-impjegati b’dan li ġara?
– Nafu insterqitx informazzjoni u jekk iva, liem informazzjoni?
– L-impjegati ta’ TM jistgħu jaħdmu b’moħħhom mistrieħ b’ċertezza li ma jkunux suxxettibbli għal aktar telfien ta’ informazzjoni?