Lokali

Is-self employed qed jitħallew waħedhom minn Gvern li tilef il-kontroll tal-COVID-19 – PN

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi Edwin Vassallo stqarr li Ħafna self employed fis-setturi kollha tax-xogħol huma inkwetati ħafna dwar kif il-Gvern ħallihom waħedhom u tilef il-kontroll u qed iċeda fil-gwerra kontra l-COVID-19. L-inċertezza li kważi twaqqaf in-negozju u l-kummerċ.  Il-bejgħ qed jonqos u spiċċa ristrett biss għal servizzi u prodotti essenzjali.
Ħafna self employed qed jispiċċaw iħallsu għal aktar spejjeż milli dħul.

Dalwaqt in-negozju se jagħlaq sena li beda dejjem jonqos. Mill-inċertezza politika għall-inċertezza ekonomika u issa ma’ dan kollu bir-raġun tal-pandemija s-sitwazzjoni ħżienet wisq f’pajjiżna. Bis-sitwazzjoni preżenti l-akbar probabbilità hija li l-bejgħ tal-Milied qed jinħass li diġà huwa mitluf.

L-inċertezza politika wasslet inċertezza ekonomika u ma’ din il-marda s-saħħa tal-ekonomija tagħna f’sena kważi spiċċat. Minkejja l-ħafna ċertifikati għall-ekonomija tagħna, illum qed naraw li kellna ekonomija li r-reżiljenza tagħha kienet kważi ineżistenti.

Il-PN jqis li l-Gvern Laburista għandu jerfa’ responsabbiltà u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jiġu salvati l-impjiegi ta’  ħafna self employed u l-ħaddiema tagħhom.  Il-PN qed isegwi mill-qrib x’qed iseħħ u se jkompli jagħmel kull ma jista’ biex naraw li l-għajxien tas-self employed jibqa’ salvagwardjat.