Internazzjonali

Jemen: L-akbar skambju ta’ priġunieri mill-2015

Mijiet ta’ priġunieri tal-konflitt fil-Jemen, fl-aħħar sigħat, ingħataw il-libertà fl-akbar skambju ta’ dan it-tip bejn in-naħat avversarji mindu bdew l-ostilitajiet fil-pajjiż partikulari, fl-2015.

‘Il fuq minn 600 ribelli Houthi u mal-400 priġunier li jappoġġjaw lill-Gvern tal-Jemen mistennija jibbenefikaw mill-proċess u joħorġu ħielsa fuq perjodu ta’ jumejn.

L-iskambju tal-priġunieri fuq livell hekk kbir kien miftiehem ix-xahar li għadda waqt taħditiet li saru fl-Iżvizzera taħt is-superviżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, li qed jissorvelja l-iskambju tal-priġunieri, intant, ikkonferma li ħames ajruplani tal-istess kumitat telqu mill-ajruporti fl-ibliet ta’ Abha, Sanaa u Seiyoun, fil-Jemen.

L-ajruplani qegħdin jintużaw għat-trasport tal-priġunieri u Martin Griffiths, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għall-Jemen, qal li l-ħelsien ta’ daqstant priġunieri hu sinjal ieħor li ‘id-djalogu paċifiku kapaċi jwassal għar-riżultati’.

Griffiths qed jittama li, ‘il quddiem, isiru aktar taħditiet rigward il-ħelsien ta’ aktar priġunieri relatati mal-konflitt fil-Jemen.

Fl-aħħar xhur tal-2018, il-Gvern tal-Jemen u l-avversarji tal-Houthi ( li huma appoġġjati mill-Iran) kienu qablu biex jeħilsu total ta’ 15,000 priġunier, iżda l-ftehim għad irid ikun implimentat.