Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’serq minn karozzi

Raġel minn Ħal Safi nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie akkużat bi serje ta’ serq minn karozzi. Stefan Cutajar ta’ 36 sena tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech dalgħodu akkużat b’seba’ akkużi ta’ serq aggravat u ħsara u akkuża waħda ta’ attentat ta’ serq.

Ir-raġel allegatament kien fil-mira ta’ karozzi pparkjati f’Ħal Qormi, il-qasam industrijali tal-Marsa, Ħal Luqa, Ħal Tarxien, Marsaskala u l-Marsa bejn Ġunju u Ottubru ta’ din is-sena.

Huwa ġie mixli wkoll li kien fil-pussess ta ’oġġetti ta’ valur għoli mingħajr spjegazzjoni wara li fil-passat kien instab ħati ta ’serq u li kiser il-probation. Cutajar, li wieġeb mhux ħati u talab il-ħelsien mill-arrest.

L-Ispetturi tal-prosekuzzjoni Roderick Agius u Sarah Zerafa oġġezzjonaw għat-talba tar-raġel biex jinħeles mill-arrest, minħabba ir-rekord kriminali tiegħu.

“Huwa nħeles mill-ħabs f’Marzu ta’ din is-sena, ingħata t-tieni ċans b’ordni ta’ probation u ma ħadhiex,” qal l-Ispettur Agius. Fil-fatt ingħata bosta ċansijiet” irrimarka lill-Qorti hekk kif ippreżenta l-kondotta kriminali tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li għandha xhieda indispensabbli li kienu għad iridu jixhdu. L-avukat difensur Yanika Bugeja argumentat li l-preżunzjoni tal-innoċenza xorta kienet tapplika għar-raġel.
“Ir-rekord kriminali tiegħu mhux wieħed feliċi, iżda huwa wkoll indikattiv tal-ħajja preċedenti tiegħu. Huwa għandu problema tad-droga u qed jindirizzaha mas-Sedqa.

“Ir-raġel se jkun qed ja”dem f’ħanut tal-familja jekk jingħata pleġġ,” hija qalet, u żiedet li kellu problemi mediċi li kellhom jiġu indirizzati.
Il-Qorti ċaħdet il-libertà proviżorja minħabba n-nuqqas ta’ affidabbiltà tiegħu, u qalet li ma kienx assigurat li ma jerġax joffendi jew javviċina lix-xhieda jekk jingħata l-libertà proviżorja.

Il-Qorti ordnat li jirċievi l-kura medika kollha meħtieġa waqt li jkun fil-kustodja.