Coronavirus Futbol Sport

L-MFA tiposponi 13 -il partita filwaqt li l-YFA twaqqaf il-kampjonati tagħha

(Ritratt: Domenic Aquilina/ MFA)

F’komunikat uffiċjali, l-MFA ħabbret il-posponiment ta’ 13 -il partita wara li bosta timijiet għandhom numru ta’ plejers pożittivi għall-coronavirus kif ukoll oħrajn li jinsabu fi kwarantina.

Mill-Kampjonat BOV Premier il-partiti ta’ Sirens kontra Tarxien, Valletta, Mosta u Lija ġew posposti għal data li titħabbar aktar il’quddiem.

Is-sitwazzjoni fil-BOV Challenge League hija xi ftit aktar ikkumplikata hekk kif il-partiti ta’ Marsa kontra Naxxar, Pietà, Qormi u Swieqi ġew posposti kif ukoll il-partiti ta’ Marsaxlokk kontra Mqabba, Fgura, Qrendi u Vittoriosa.

Mill-BOV National Amateur League li hu skedat li jibda fi tmiem din il-ġimgħa ġiet pospost partita waħda biss dik bejn Luqa u Siġġiewi filwaqt li nhar it-Tnejn waqt laqgħa tal-Bureau tal-MFA ġie deċiż li dan il-kampjonat jintlagħab fuq żewġ rawnd minflok kif kien oriġinarjament fuq tlieta.

L-MFA ħadet ukoll id-deċiżjoni li tittardja l-bidu tal-Kampjonat tal-Youths kif ukoll il-posponiment tal-Kampjonat tan-Nisa ta’ taħt id-19 u l-15 -il sena.

Intant il-Youth Football Association ħabbret li kawża taż-żieda allarmanti fil-każijiet tal-coronavirus fl-aħħar jiem f’pajjiżna b’mod immedjat waqqfet il-kampjonati kollha tagħha.