Internazzjonali

Nagorno-Karabakh: Akkużi ġodda… u intoppi għall-għajnuna ta’ emerġenza

epa08735931 Azerbaijan rescuers work on the devastated houses allegedly damaged by recent shelling in Ganja, Azerbaijan, 11 October 2020. Foreign Ministers of the Republic of Azerbaijan and the Republic of Armenia, with the mediation of the Russian Federation in Moscow, reached an agreement on compliance with the humanitarian ceasefire from 12:00 on 10 October 2020. Armed clashes erupted on 27 September 2020 in the simmering territorial conflict between Azerbaijan and Armenia over the Nagorno-Karabakh territory along the contact line of the self-proclaimed Nagorno-Karabakh Republic (also known as Artsakh). EPA-EFE/AZIZ KARIMOV

L-Armenja akkużat lit-Turkija – alleata tal-Ażerbajġan – b’li qed tostakola t-titjiriet bl-għajnuna ta’ emerġenza, meta l-ġlied li reġa’ żbroffa dwar il-kontroll ta’ Nagorno-Karabakh qed jhedded kriżi umanitarja kbira għar-reġjun polemikuż, fin-nofsinar tal-Kawkasu.

Filwaqt li t-Turkija tidher li qed tirrifjuta l-użu tal-ispazju tal-ajru tagħha għall-ajruplani li qegħdin iwasslu l-għajnuna liċ-ċivili ta’ Nagorno-Karabakh, l-Armenja u l-Ażerbajġan ma waqfux mill-kontro-akkużi dwar ‘ir-responsabbiltajiet’ lejn il-waqfien mill-ġlied fraġli li ntlaħaq ftit tal-jiem ilu.

Il-ftehim kellu jippermetti biex l-Armeni u l-Ażeri jibdlu l-priġunieri u l-katavri tal-vittmi tal-aħħar konfronti militari li ilhom mis-27 ta’ Settembru u li huma l-aktar feroċi mis-snin disgħin, meta mietu 30,000 fil-konflitt dwar Nagorno-Karabakh. Ir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh hu rikonoxxut bħala territorju tal-Ażerbajġan iżda ilu s-snin amministrat mill-Armeni-etniċi.

Intant, il-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev, wissa lill-Armenja ‘biex ma tkomplix tipprova taħtaf lura l-artijiet li kienu liberati’ u li s-sitwazzjoni kapaċi twassal ‘għal aktar tixrid ta’ demm u vittmi’. L-Ażeri qegħdin jgħidu li kisbu ‘vantaġġ’ fil-battalji mal-Armeni tul il-‘linja ta’ kuntatt’ ma’ Nagorno-Karabakh, iżda dan ma kienx ikkonfermat mis-sorsi indipendenti.

Il-Ministeru tad-Difiża tal-Armenja, fl-istess ħin, kompla jakkuża lill-qawwiet tal-Ażerbajġan dwar ‘l-isparar indiskriminattiv tal-artillerija’ lejn iz-zoni ta’ Nagorno-Karabakh, iżda qal ukoll li ‘il-qawwiet Armeni-etniċi fir-reġjun qegħdin jieħdu l-kontro-miżuri effettivi kontra l-attakki’.

Dan fost rapporti – uħud mhumiex ikkonfermati – dwar it-telf ta’ ħajja kontinwa fost il-militar u ċivili tal-Armenja u l-Ażerbajġan.

L-organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ fejda qegħdin iwissu li l-konflitt f’Nagorno-Karabakh għandu jħalli għexieren ta’ eluf tan-nies fi ħtieġa urġenti ta’ għajnuna fix-xhur li jmiss,

Dan waqt li uffiċjali tal-Armenja qalu, issa, li t-trasport ta’ madwar 100 tunnellata ta’ għajnuna mill-Istati Uniti spiċċa ‘ostakolat’ peress li t-Turkija mhix tippermetti li t-titjiriet umanitarji destinati għall-Armeni jgħaddu mill-ispazju tal-ajru tagħha.

L-Armeni qed jallegaw li t-Turkija ‘għalqet dik ir-rotta bi ħsieb speċifiku’ u li l-Armenja, issa, qed tfittex rotta alternattiva għat-trasport tal-għajnuna fl-ispazju tal-ajru tar-Russja jew tar-Repubblika ta’ Ġorġja.