Sport Waterpolo

Neptunes fil-finali wara battikata minn Exiles

Stewart Said

NEPTUNES………………………. 13

EXILES FERRETTI………….. 9

(3-1), (3-3), (2-5), (5-0)

Kellha tkun wirja tajba fl-aħħar sessjoni li salvat lil Neptunes minn eliminazzjoni kontra Exiles Ferretti. Wara bidu pożittiv, Neptunes sofrew rimonta mill-aqwa ta’ Exiles bejn it-tieni u t-tielet sessjoni. Iżda Neptunes għarfu jitjiebu fid-difiża u kif ġabu d-draw, iddominaw biex għalqu l-logħba.

Kien Kurt Griscti li poġġa lil Exiles minn fuq iżda immedjatament Stevie Camilleri ġab id-draw, bl-istess plejer u ħuh Jordan għamlu l-iskor 3-1. Il-vantaġġ ta’ Neptunes kiber għal 6-1 sal-ewwel żewġ minuti tat-tieni sessjoni.

Kollox deher faċli għalihom iżda Exiles kellhom ħsibijiet oħra. Mark Fenech minn penalty, Nicky Paris minn man-up u penalty ta’ Kurt Griscti qatgħu d-distakk għal żewġ gowls.

It-tim ta’ Igor Vukanovic saħansitra għamel l-iskor 6-6 b’xutt sabiħ ta’ Aurelien Cousin mid-distanza u r-raba’ gowl fil-logħba ta’ Griscti. Gabriel Pace ħalla lil Neptunes minn fuq iżda Cousin, Jake Bajada u Griscti għamlu l-iskor 9-7 favur Exiles, b’Pace jnaqqas id-distakk.

Bi żvantaġġ ta’ gowl, il-pressjoni kienet kollha fuq Neptunes. Jake Muscat ġab id-draw, Stevie Camilleri poġġiehom fil-vantaġġ u fl-aħħar tliet minuti skorjaw tliet gowls mingħajr risposta.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (2), G. Pace (2), S. Busuttil (1), J. Spiteri Staines, S. Camilleri (5), J. Camilleri (1), J. Abela (1), M. Farrugia, S. Stellini, S. Gialanze (1), B. Busuttil, M. Castillo

Exiles: M. Castillo, J. Bajada (1), A. Magri, P. Paris, T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti (4), N. Paris (1), A. Cousin (2), D. Fenech, G. Borg

Referees: Mario Dalli, Ronnie Spiteri

SIRENS MECCA MARIN………… 7

SAN ĠILJAN TUM INVEST…… 21

(1-5), (3-4), (1-4), (2-8)

Iċ-champions il-ġodda San Ġiljan TUM Invest komplew il-mixja tagħhom biex jiksbu doppjetta. Fis-semifinali ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Sirens Mecca Marin u din se tkun il-ħames darba fl-aħħar sitt snin li se jikkontestaw il-finali.

Bidu b’saħħtu fl-ewwel sessjoni għen lil San Ġiljan jikkontrollaw il-logħba. Il-Ġiljaniżi rebħu l-ewwel tmien minuti 5-1b’gowls tas-soliti Dino Zammit (2), Matthew Zammit, Ben Plumpton u Andreas Galea.

Sirens pruvaw inaqqsu d-distakk fit-tieni sessjoni iżda San Ġiljan permezz ta’ Matthew Zammit, Ben Plumpton u Andreas Galea żiedu l-vantaġġ għal ħames gowls.

It-tim ta’ Dorian Pisani neħħa kull dubju mir-rebħa bi tliet gowls konsekuttivi fit-tielet sessjoni. Minkejja d-distakk kbir, San Ġiljan baqgħu jilagħbu b’intensità għolja u ftit taw ċans lil Sirens.

Anki fl-aħħar sessjoni, San Ġiljan baqgħu bl-aqwa formazzjoni b’eċċezzjonijiet żgħar u skorjaw seba’ gowls konsekuttivi. Kien fl-aħħar minuti li plejers żgħażagħ bħal Dean Ciantar, Marco Mannino, Jake Bonavia u Zach Micallef ħadu aktar ħin fl-ilma b’San Ġiljan jikkontrollaw sat-tmiem.

Sirens: O. Gauci, J. Ciantar, K. Erdogan (1), G. Melillo, J. Zerafa Gregory, T. Said, L. Falzon, I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (1), M. Azzopardi (3), G. Galea Curmi, G. Farrugia (1)

San Ġiljan: J. Tanti, K. Tanti, A. Galea (2), D. Ciantar, M. Mannino (1), M. Zammit (5), B. Plumpton (4), J. Bonavia (2), Z. Micallef, Da. Zammit (1), P. Fava, Di. Zammit (6), G. Vassallo, M. Ortoleva

Referees: Massimo Angileri, Alex De Raffaele