Lokali Unjoni Ewropea

PN b’saħħtu biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies u jkun alternattiva għall-Gvern Laburista

Ritratt: Joseph Galea
Il-moralità fil-politika trid tibqa' tiġi osservata - Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’laqgħa virtwali mal-President tal-PPE Donald Tusk

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jerġa’ jsir partit b’saħħtu sabiex jista’ jkun tassew alternattiva għall-Gvern Laburista, u jkun kapaċi jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies u mhux ikun hemm għall-bżonnijiet tal-ftit biss. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa virtwali li kellu llum mal-President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Donald Tusk, ftit sigħat qabel ma jibda s-summit tal-istess PPE.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll fuq l-immigrazzjoni u kif l-Unjoni Ewropea trid issib soluzzjonijiet għas-sitwazzjoni fil-Mediterran u fin-nofsinhar tal-Ewropa. Bernard Grech qal ukoll li sforz il-politika tal-Gvern preżenti, tul dawn l-aħħar seba’ snin kien hemm żieda ta’ madwar 80,000 persuna barranija f’Malta filwaqt li l-Gvern m’għandux pjan ta’ housing, riżorsi u mmaniġġjar għas-snin li ġejjin.

Bernard Grech fakkar ukoll li għada huwa t-tielet anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kif is-saltna tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tibqa fuq nett tal-aġenda tal-Partit Nazzjonalista.

Il-President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Donald Tusk filwaqt li feraħ lill-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u awguralu fil-ħidma tiegħu bħala Kap tal-partit u Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar l-importanza li l-moralita’ fil-politika tibqa’ tiġi osservata u nnota l-pożizzjoni ċara u konsistenti tal-Partit Nazzjonalista f’dan ir-rigward. Tusk tkellem ukoll fuq l-obbligazzjoni li għandhom il-politiċi lejn iċ-ċittadini tagħhom sabiex jassiguraw politika li taħdem għall-persuni, u kif tassew permezz t’hekk il-bniedem jista’ tassew jitqiegħed fiċ-ċentru ta’ din il-ħidma.

Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kien hemm il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola u s-Segretarja Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight.