Lokali Qorti

Raġel mixli b’użura u li hedded raġel

Raġel mill-Fgura ċaħad l-akkużi li aġixxa bħala persuna li mingħajr awtorità jsellef il-flus bl-użura. Clayton Galea ta’ 37 sena tressaq taħt arrest quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

L-Ispetturi tal-Pulizija Hubert Cini u Paul Camilleri akkużaw lir-raġel, li wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih. Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll ordni ta’ protezzjoni għall-vittma.

L-avukati difensuri Arthur Azzopardi u Rene Darmanin talbu li l-klijent tagħhom jingħata l-libertà proviżorja. Il-Qorti laqgħet it-talba, u ordnat lil Galea jiffirma l-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa, josserva ‘curfew’ u jipprovdi depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ € 3,000.

Il-Maġistrat wissiet lir-raġel li jekk javviċina jew jimmolesta b’xi mod l-allegata vittma tiegħu, kien se jiffaċċja wkoll multa ta’ €7,000 talli jkun kiser l-ordni ta’ protezzjoni.