Internazzjonali

Sanzjonijiet għal uffiċjali Russi dwar l-ivvelenar ta’ Navalny

L-Unjoni Ewropea imponiet is-sanzjonijiet għal sitt uffiċjali tar-Russja b’konnessjoni mal-ivvelenar tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russa, Alexedi Navalny — magħruf bħala avversarju qalil tal-President Russu, Vladimir Putin.

Navalny spiċċa ivvelenat bis-sustanza Novichok ( nerve agent) waqt li kien qed jagħmel titjira interna fir-Russja, f’Awwissu li għadda. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, bħalissa, jinsab rikoverat f’Berlin, fil-Ġermanja, b’Navalny qed jakkuża lil Putin dwar ‘l-attakk li sar fuqu’. Dan waqt li l-Kremlin f’Moska qiegħed jiċħad bis-sħiħ għal kull sehem fl-attentat.

L-uffiċjali li qed ikunu suġġetti għas-sanzjonijiet jinkludu Alexander Bortnikov, il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà Federali (FSB) tar-Russja u żewġ viċi-ministri tad-Difiża. Suġġett ukoll għas-sanzjonijiet hemm ċentru, jew kumpless, għal riċerka kimika (fir-Russja) li hu relatat mal-każ ta’ Navalny.

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE qablu dwar is-sanzjonijiet fuq l-inizjattiva ta’ Franza u l-Ġermanja, li huma konvinti li n-nerve agent li ntuża kontra Navalny kien ġej minn faċilità tal-Istat fir-Russja.