Lokali Qorti

Somalu mixli li biegħ passaporti foloz

Raġel ta’ ta’ 32 sena mis-Somalja ġie mixli li biegħ diversi passaporti foloz. Mohamed Said Ahmed wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech dalgħodu.

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ, il-Pulizija qalet li r-raġel kien arrestat bħala suspettat moħħ fil-bejgħ ta’ diversi passaporti foloz u permessi ta’ residenza.

Dawn id-dokumenti kienu qed jintużaw minn partijiet terzi. Ahmed ġie arrestat it-Tlieta wara rejd fid-dar tiegħu f’Marsaskala. Il-Pulizija sabu diversi dokumenti foloz u dokumenti misruqa. Ma saritx talba għal libertà proviżorja tal-akkużat.

Lejn l-aħħar tax-xahar li għadda l-Maġistrat Joe Mifsud kien ikkummenta dwar kif ma tgħaddix ġurnata xogħol mingħajr każijiet bħal dawn. Huwa qal li jrid ikun hawn kordinazzjoni aħjar fil-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin.

Qal, iżda, li quddiem il-Qorti dejjem ikun hemm il-vittmi ta’ dan l-sfruttament, u mhux il-kriminali li jorganizzaw il-vjaġġ klandestin u jagħtu d-dokumenti foloz lil dawn in-nies.

Saħaq li huwa ċar ħafna li hemm diversi organizzazzjonijiet kriminali li qed jaħdmu ma’ stati Afrikani, mal-Libja u ma’ pajjiżi Ewropej bħall-Italja. Anke l-Pulizija mhux l-ewwel darba li kkummentaw fuq in-numru kbir ta’ passaporti foloz li hawn fiċ-ċirkolazzjoni.