Lokali

“Taħt Joseph Muscat saret ħsara irreparabbli lil pajjiżna” – Peppi Azzopardi

L-istorja ta’ Muscat u sħabu ma spiċċatx

“Joseph Muscat huwa dak il-persuna li taħtu saret ħsara irreparabbli lil pajjiżna. L-istorja ta’ Muscat u sħabu ma spiċċatx.”

Dan ħareġ f’dibattitu li tmexxa minn Robert Cremona waqt il-programm NETLIVE fuq Net TV. Dibattitu li fih ħadu sehem l-Avukati Joe Giglio, Robert Musumeci u Peppi Azzopardi.

L-avukat Joe Giglio qal li Joseph Muscat għandu legat ta’ affarijiet li huma pożittivi iżda hemm kwistjonijiet negattivi ħafna, fosthom li taħt idejh pajjiżna għadda mill-agħar flaġell fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna kif ukoll inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Min-naħa tiegħu Peppi Azzopardi qal li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat huwa dak il-persuna li taħtu saret ħsara irreparabbli lil pajjiżna. Saħaq li taħt it-tmexxija tiegħu kien hemm ħafna nies li ħadd ma kien jista’ għalihom. “L-istorja ta’ Muscat u sħabu ma spiċċatx”, qal Azzopardi.

Joe Giglio qal li huwa umiljanti li jkun ir rapport tal-Moneyval li jgħidilna x’għandna nagħmlu f’pajjiżna.

Peppi Azzopardi qal li l-problema ta’ pajjizna hi li ma kellniex Prim Ministru riġidu bħalma kienu Prim Ministri preċedenti.

Azzopardi qal li l-Budget li se jitressaq nhar it-Tnejn li ġej għandu jkun budget ta’ filosofija xellugija… budget li fih għandhom igawdu dawk l-iktar minn taħt. Huwa qal li jekk dan mhux se jsir, se jkollna problemi serji f’pajjiżna.

L-avukat Joe Giglio qal li wieħed jistenna li fil-Budget tkun indirizzati l-problema attwali relatata mal-ekonomija minabba l-pandemija. Għandu jkun hemm ukoll il-qafas ta’ kif se nibnu l-ekonomija tagħna wara din il-pandemija tal-COVID.

Min-naħa tiegħu Robert Musumeci qal li f’dawn l-aħħar seba’ snin kellna Gvern li għamel affarijiet tajbin kif ukoll affarijiet ħżiena. Qal li l-isfida li għandu dan il-Gvern hija kif se jaġġusta għal din ir-realtà li qed ngħixu fiha minħabba din il-pandemija.

Dwar is-sitwazzjoni tal-COVID, Peppi Azzopardi qal li l-Partit Nazzjonalista għamel proposti tajbin ħafna li spiċċa ħa l-kredtu tagħhom il-Gvern ta’ Robert Abela.

Joe Giglio qal li l-proposti tal-PN fid-dokument tal-Pre Budget huma miżuri li jassiguraw li l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ miexja.

Robert Musumeci minn naħa tiegħu insista li din is-stiwazzjoni tal-COVID hija sitwazzjoni li ħadd qatt ma ppreveniha. Qal ukoll li seta’ kien hemm deċiżjonijiet li setgħu ttieħdu aħjar.

L-avukat Joe Giglio qal li bħala pajjiż m’għandniex direzzjoni mill-Prim Ministru kif għandna nimxu f’din il-pandemija…. direzzjoni li kulħadd għandu bżonnha… direzzjoni ċara ta’ x’inhi l-politika tiegħu.

Peppi Azzopardi qal li huwa insensittiv li kull darba li jmut xi ħadd kawża tal-COVID, il-Ministru tal-Saħħa jgħid li kellu kundizzjonijiet oħra ta’ mard. Azzopardi qal li kellha tkun il-Professur Gauci li tibqa’ tagħtina direzzjoni medika f’din is-sistwazzjoni tant delikata għal pajjiżna.

Joe Giglio qal li il-Prim Ministru Robert Abela għandu l-obbligu li jagħti informazzjoni lill-poplu u jagħtih direzzjoni. “The Prim Minister has to lead and has to give direction”, temm jgħid l-Avukat Giglio.