Lokali Qorti

Tmien xhur ħabs għal żagħżugħ fuq droga li ssemma fil-każ ta’ Jordan Azzopardi

Ramirez Vella ta’ 22 sena, li ssemma fil-kumpilazzjoni ta’ ta’ Jordan Azzopardi li jinsab mixli li mexxa organiżazzjoni ta’ traffikar ta’ droga, ċirkolazzjoni ta’ flus foloz u armi, ġie kkundannat tmien xhur ħabs wara li nstab ħati fuq traffikar ta’ kokaina u ma nstabx ħati li ttraffika d-droga eroina.

Huwa kien wieħed mill-persuna li nstab f’residenza tal-Pietà li kienet waħda attrezzata u li minnha kienet tinbiegħ id-droga. Vella li huwa minn Ħal Tarxien kien issemma f’xhieda li kien ta Owen James Formosa, li kien dipendenti fuq il-kokaina fejn dan kien qal li huwa kien jiltaqa’ ħafna ma’ Ramirez Vella li huwa minn Ħal Tarxien. Mix-xhieda li ħarġet f’dan il-każ irriżulta li Vella kien jaħdem għal Jordan Azzopardi.

Iż-żagħżugħ li ġie mmultat ukoll €1,200 kien ġie arrestat fis-7 ta’ Marzu tal-2019 f’Tal-Pieta waqt rejd mill-Pulizija fejn kienet instabet ammont ta’ droga u flus kontanti. Huwa ma nstabx ħati li ttraffika d-droga ftit metri ‘l bogħod minn skola.

Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Mark Anthony Mercieca qal li fis-7 ta’ Marzu 2019 il-Pulizija wettqet rejd f’residenza fi Triq Mountbatten, Pieta’ fuq suspett ta’ traffikar u teħid ta’ droga.

Qabel din id-data kienu saru diversi rejds oħra fejn kien jintuża l-istess mod minn ċirku organizzat mill-istess persuni. L-Ispettur kien preżenti waqt dan ir-rejd.

Xehed li din ir-residenza kienet attrezzata b’bibien u twieqi tal-ħadid u ġebel kif ukoll b’CCTVs mal-faċċata tad-dar, fuq il-bejt u mal-ġenb ta’ wara tar-residenza u dan sabiex kull entratura tar-residenza tiġi sorveljata.

Huwa kellu grupp ta’ nies kemm fuq il-bejt, fil-gallarija ta’ quddiem u mill-faċċata tad-dar. Inxteħtu diversi gas canisters konsistenti f’duħħan sabiex iwaqqfu lill-malviventi milli jarmu d-droga għaliex il-mod tad-djar ta’ qabel kien li tintuza’ landa tal-aċtu u kif isiru jafu bil-Pulizija d-droga kienet qed tintrema ġewwa l-laned tal-aċtu sabiex tigi distrutta.

Kif il-Pulizija daħlet fil-fond instabu erba’ persuni li kienu kollha ġewwa s-salott. Tenna li meta tidħol f’din id-dar hemm kuritur li kellu bieb tal-injam. Meta infaqa’ l-bieb ta-injam kien hemm bieb tal-ħadid warajh.

Meta nqata’ l-bieb tal-ħadid kien hemm kanċell ieħor tal-ħadid u kien hemm diversi knatan u ġebel. Qabel titla’ t-taraġ kien hemm kanċell ieħor tal-ħadid. Kompla li meta telghu l-ewwel sular fuq in-naha tax-xellug kien hemm kamra b’bieb tal-ħadid bi slot minn ġo fiha.

Din il-kamra kienet qisha uffiċċju. Kienet armata b’monitor-desk fejn isir il-bejgħ u l-preparazzjoni tad-droga. Fuq ix-xellug tad-desk fejn kien hemm bilqegħda u kien hemm landa tal-aċtu li jidher li kienet intużat ukoll dakinhar. Fuq il-monitor kienu jidhru c-CCTVs installati.

Kif tohrog minn din il-kamra timxi kuritur fejn issib salott, mejda tal-ikel u toilet fuq in-naħa tal-lemin. Fis-salott kien hemm erba’ persuni, Owen James Formosa, Ramirez Vella, Anthony Cutajar u Ramona Vassallo. Komplew iduru d-dar u x’hin titla’ t-tielet sular kien hemm it-taraġ tal-bejt barrikat b’ġebel u kanċell ieħor li kien impossibbli tidħol minnu.

Kull tieqa kemm għax-xaft u għall-faċċata ta’ kull sular kienu magħlquin b’kanen tal-ħadid u ħadid ieħor sabiex ma jkunx hemm aċċess faċli għal terzi li riedu jidħlu minn barra.

Wara li ta d-drittijiet kollha lill-imputat, l-Ispettur kellmu fuq il-post u stqasih x’kien qiegħed jagħmel hemm u l-imputat wieġbu li kellu xi jgħid mat-tfajla u mar hemm biex ipejjep joint ma’ sħabu.

L-imputat kellu pouch quddiemu b’xi tabakk u żewg mowbajls – Nokia iswed żgħir u IPhone li l-imputat iddikjara li kienu tiegħu. Infetħet ukoll Inkjesta Magisterjali.

L-Ispettur Mercieca kompla li huwa tkellem ukoll ma’ Owen James Formosa, li wkoll tressaq fuq pussess tad-droga, fejn stqarr li Ramirez Vella kien il-persuna li tbiegħ id-droga minn din id-dar. Kien stqarr li ra lill-imputat diversi drabi fid-dar u kien jarah jinbidel f’shift ma’ nies ohra u li kien jaħdem għal Jordan Azzopardi.

L-Ispettur Mercieca spjega wkoll li minn gewwa l-post ittieħdu diversi kampjuni mill-espert maħtur. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli qalet li l-Prosekuzzjoni rnexxilha tipprova sal-grad rikjest mil-liġi li l-imputat kien qiegħed ibiegħ id-droga.

Dan jirriżulta mix-xhieda ta’ Owen James Formosa li qal li apparti dakinhar tal-arrest kien hemm drabi oħra fejn l-imputat biegħlu l-kokajina; kif ukoll minn dak li stqarr l-istess imputat.

Irriżulta wkoll li l-imputat kien ikun f’dak li kien jitqies bhala uffiċċju li kien jintuża’ biex minnu tinbiegħ id-droga u kif ukoll biex wieħed jara l-monitors ai fini ta’ sorveljar u tali kamra ma jidhirx li kienet aċċessibbli ghal kulħadd u fiha nstabu żewġ filters ta’ sigaretti u tissue li fuqhom instab id-DNA tal-imputat.

Huwa ma nstabx ħati li biegħ id-droga eroina u lanqas ma nstab ħati li biegħ id-droga f’distanza ta’ 100 metru mill-perimetru ta’ skola, club, jew xi post simili fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Dwar il-piena l-Qorti ħadet in kunsiderazzjoni n-natura tar-reat, il-fedina penali li mhiex waħda netta.Il-Qorti kkundannat lil Vella għal tmien xhur priġunerija li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien għamel taħt arrest preventiv u għall-ħlas ta’ multa ta’ €1,200.

Huwa ġie ordnat ukoll iħallas l-ammont ta’ €4,972.73 bħala spejjeż tal-esperti nominate mill-Qorti. Il-ħati ngħata tliet snin ħmien sabiex iħallas tali ammont liema perjodu jibda jiddekorri minn meta jiskonta ssentenza tiegħu.