Lokali

3 snin wara…il-poplu għadu qed jistenna ġustizzja

Ħadd ma jista’ qatt jinsa dik ix-xena makabra u ta’ qsim il-qalb li rajna quddiem għajnejna nhar is-16 t’Ottubru tal-2017 – pajjiż sħiħ kien ixxukjat bl-aħbar li Daphne Caruana Galizia kienet ġiet assassinata. Malta tilfet ġurnalista li inqatlet brutalment permezz ta’ karozza-bomba, familja li tilfet omm, qraba u ħbieb maħsuda, bil-komunità internazzjonali tispiċċa ddawwar ħarsitha fuq pajjiżna.

Illum għaddew tliet snin minn dak il-jum iswed, iżda xorta għadna qed nistennew li ssir ġustizzja. U kuntrarju għal dak li jgħid il-Gvern…il-każ għadu wieħed miftuħ.

Fuq Facebook, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li l-kuraġġ ta’ Daphne saħħaħ lill-eluf ta’ Maltin li dakinhar wirtu l-kuraġġ tagħha u anke huma bdew mixja li wasslet għal bidliet kbar f’pajjiżna. Ir-rabja li kien iħoss min kien jaqra l-iskandli li kixfet Daphne ġiet mibdula f’rabja fit-toroq, rabja li wasslet biex seħħ dak li ħadd ma kien jobsor – li jaqa’ l-Gvern ta’ Joseph Muscat.

“Insellem il-memorja ta’ Daphne. Insellem il-kuraġġ ta’ żewġha u ta’ uliedha, ta’ familta, ta’ sħabha u ta’ dawk kollha li emmnu fil-ġlieda tagħha għall-verità. Il-Partit Nazzjonalista ser ikun fuq quddiem nett biex ikompli din il-ġlieda għall-verità u għall-ġustizzja.”

Illejla Net TV se jkun qed ixandar id-dokumentarju “When They Come Undone” bħala tislima għall-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan filwaqt li matul il-jum se jkunu qed isiru numru ta’ attivitajiet, ħafna minnhom fuq pjattaformi online sabiex jiġu osservati r-restrizzjonijiet tal-Covid.

Illejla wkoll, se tkun qed tixxandar edizzjoni speċjali ta’ NETLIVE, bil-programm jiffoka kollu kemm hu fuq dan l-anniversarju. Matul il-programm se jsiru kollegamenti mal-Bidnija fejn illejla se titmexxa quddiesa minn Monsijur Arċisqof Charles Scicluna.