Futbol Sport

7 gowls f’rebħa kbira Gżirjana

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Luke Micallef

GŻIRA UTD…………………. 6

MOSTA……………………….. 1

Gżira: A. Curmi, G. Mentz, S. Borg, N. Muscat (N. Portelli 67’), M. Davis (C. Borg 14’), H. Kone (A. Cohen 75’), J. Mendoza, R. Correa, S. Borg, A. Samb (D. Xuereb 67’), J. De Assis (O. Elouni 75’)

Mosta: A. Spiteri (L. Camilleri 88’), L. Formosa (F. Watson 46’), N. Braunovic, J. De Sousa, J. Bezzina, M. Attard (O. Sammut 68’), T. Yokochi, M. Muchardi, K. Tulimieri (L. Vella 75’), R. Ekani, A. Spiteri

Imwissija: G. Mentz 29’ (G), J. Bezzina 84’ (M)

Skorjaw: A. Samb 9’, 44’ (G), T. Yokochi 10’ (M), H. Kone 17’ (G), R. Correa 21’ (G), J. De Assis 66’ (G), A. Cohen 79’ (G)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Duncan Sultana

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jefferson De Assis (Gżira United)

BOV Plejer tal-logħba: Jefferson De Assis (Gżira United)

F’partita li ġiet magħluqa fl-ewwel għoxrin minuta tagħha, Gżira United ħarġu fuq in-naħa rebbieħa bl-iskor ta’ 6-1. Il-Gżirjani komplew bil-wirjiet pożittivi tagħhom hekk kif fl-aħħar ħarġa tagħhom qabel il-waqfa tan-Nazzjonal, kienu għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 3-1.

L-ewwel azzjoni tal-partita waslet mit-tim Mosti fil-ħames minuta. Kien Rodriguez Ekani li għadda kross lejn Takanori Yokochi, li b’xutt mill-viċin sab lil Anthony Curmi attent u tajjar il-periklu. Fid-9 minuta u fl-ewwel azzjoni ta’ Gżira United, AMADOU SAMB fetaħ l-iskor. Samb irċieva l-ballun mingħand Ricardo Correa li qabbeż il-ballun minn fuq Andre Spiteri. Minuta wara l-Mostin ġabu l-gowl tad-dro’. Minn pass ta’ Andrei Spiteri, il-Ġappuniż TAKANORI YOKOCHI għeleb lill-gowler ta’ Gżira. Fis-17-il minuta HAMED KONE ra x-xutt ċentrali tiegħu jintlaqa’ parzjalment minn Spiteri li iżda kien b’saħħtu wisq, bil-ballun spiċċa fix-xibka għall-vantaġġ Gżirjan. Gżira baqgħu jippressaw lill-Mostin u urew biċ-ċar l-intenzjonijiet tagħhom, jiġifieri li jieħdu t-tliet punti, biex fil-21 minuta RICARDO CORREA skorja t-tielet gowl Gżirjan. Wara clearance ħażina mid-difiża Mostija, il-ballun spiċċa f’saqajn Correa li b’xutt b’saħħtu għeleb lil Spiteri. Ħames minuti wara Nikolai Muscat ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit għoli. Mosta rrispondew b’daqqa ta’ ras ta’ Kevin Tulimieri bil-ballun għadda ftit għoli. Daqqa ta’ ras ta’ Samb fis-36 minuta sabet lill-gowler Mosti attent u dawwar f’korner. Minuta mit-tmiem tal-ewwel taqsima, minn korner ta’ Jackson Mendoza sab lil AMADOU SAMB li daħal bir-ras u b’faċilita’ għeleb lill-gowler Mosti.

Ir-ritmu tal-ewwel 45 minuta batta xi ftit fit-tieni taqsima. Fil-fatt l-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fis-66 minuta b’xutt preċiż fir-rokna tax-xibka ta’ JEFFERSON DE ASSIS li kompletament għeleb lill-gowler Mosti. Fid-79 minuta Gżira ngħataw penalty wara li Braunovic waqqa’ lil Mendoza fil-kaxxa. Inkariga ruħu mill-penalty ANDREW COHEN li b’xutt fil-baxx tefa’ fix-xibka. Interessanti huwa l-fatt li fit-88 minuta Mosta daħħlu bħala gowler lil Luca Camilleri li għandu biss 14-il sena.