Lokali

Arrestati tlieta b’rabta ma’ sejba ta’ droga

Operazzjoni konġunta bejn diversi taqsimiet tal-Pulizija b’rabta ma’ allegat attivitajiet illegali wasslet għall-arrest ta’ tliet persuni. L-operazzjoni saret nhar it-Tlieta fl-inħawi magħrufa bħala Fuq Verdala, f’Bormla.

L-operazzjoni bdiet fl-erbgħa ta’ filgħodu u tmexxiet mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, bis-sehem tal-Pulizija tas-Special Intervention Unit, l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u mit-Taqsima tal-Klieb.

Wara jiem ta’ osservazzjoni, il-pulizija ċċirkondaw tliet postijiet separati. Waqt tfittxijiet li saru nstab ammont ta’ droga, apparat elettroniku li jaqbad il-frekwenzi tal-pulizija u oġġetti oħra suspettużi li allegatament jindikaw attivitajiet illegali.

Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali assistew ukoll f’din l-operazzjoni minħabba li f’post minnhom instabu sebat iklieb perikolużi.

It-tliet persuni arrestati ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.