Internazzjonali

Brexit: It-taħditiet dwar ftehim kummerċjali ‘prattikament spiċċaw’

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku f’Downing Street (Londra) ħareġ messaġġ li issa ‘spiċċaw’ it-taħditiet tar-Renju Unit mal-Unjoni Eweropea dwar ftehim kummerċjali għal wara Brexit.

Ingħad li ‘ma hemm l-ebda punt’ li d-diskussjonijiet ikomplu l-ġimgħa d-dieħla dment li l-UE ma tkunx lesta biex tiddiskuti l-kliem legali dettaljat ta’ sħubija kummerċjali.

Aktar qabel, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, kien wissa biex pajjiżu ‘ilesti’ għal sitwazzjoni fejn ma jintlaħaqx ftehim kummerċjali mal-Unjoni Ewropea. Johnson tenna li dment li ma jkunx hemm bidla ta’ direzzjoni ‘fundamentali’ min-naħa tal-UE, iż-żewġ naħat mhumiex se jikkonkludu sħubija ekonomika għal wara Brexit.

Intant, l-UE qalet li hi lesta biex ‘tintensifika t-taħditiet’ iżda mhix lesta li tidħol fi ftehim mar-Renju Unit ‘għal kwalunkwe prezz’.

Ir-Renju Unit kien iffissa l-ġurnata tal-Ħamis bħala deadline għal deċiżjoni dwar jekk ikomplix bit-taħditiet mal-Unjoni fi klima ta’ diżgwid kontinwu.

Intant, fl-aħħar sigħat, l-Unjoni Ewropea – li konkludiet summit ta’ jumejn fi Brussell waqt li indirizzat il-kwistjoni ‘Brexit’ – baqgħet tisħaq li ‘il-pass li jmiss kellu jasal minn Londra’.

Issa, is-sitwazzjoni ta’ ‘no-deal’ qed tidher aktar reali u meta n-negozjatur ewlieni tal-EU, Michel Barnier, suppost li għandu jkompli bit-taħditiet f’Londra, il-ġimgħa d-dieħla.

Madankollu l-Uffiċċju tal-PM Britanniku issuġġerixxa li ż-żjara ta’ Barnier ma tagħmel l-ebda sens dment li l-Unjoni Ewropa ma tibdilx il-pożizzjoni tagħha. Il-kelliema f’Londra qalu li Barnier ikun irid jindirizza ‘malajr’ l-issues kollha fuq il-bażi ta’ kuntest legali u mingħajr il-ħtieġa ‘li r-Renju Unit jagħmel il-passi kollha waħdu fiċ-ċirkustanzi’.

Il-messaġġ bażiku li ħareġ minn Londra kien li ‘it-taħditiet (mal-UE) issa spiċċaw’ u li l-Unjoni Ewropea ‘effettivament wasslet għal dan bl-istqarrija li ma tridx tibdel il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati’.

Sadanittant, Boris Johnson issuġġerixxa li l-Unjoni ma tidhirx lesta li tikkunsidra ‘bis-serjetà’ l-għażla preferuta tar-Renju Unit għal ftehim komprensiv dwar kummerċ ħieles li jibbaża fuq il-ftehim attwali tal-UE mal-Kanada.

Hu qal li ‘ir-Renju Unit, b’hekk, hu fid-dmir li jħares lejn alternattiva’ — li f’dan il-każ tista’ tinvolvi l-ftehim tal-Awstralja mal-UE li hi ħafna aktar limitata.

Waqt li kien qed isir is-summit tal-UE fi Brussell, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, qalet li kien hemm ‘xi ċaqliq minn ċerti aspetti’ iżda, fl-istess ħin, ammettiet li fadal ħafna xi jsir jekk l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jiffissaw ftehim kummerċjali validu u fl-interess ta’ kulħadd.

Fid-‘dokument ta’ konklużjoni’ li ħarġet waqt is-summit, l-UE għamlitha ċara ‘li l-progress li sar  f’numru ta’ setturi (ta’ wara Brexit) għalissa mhux biżżejjed għal ftehim’.