Irridu nużaw it-talenti tajbin li għandna u magħhom, inżidu talenti ġodda u friski. Flimkien, dawn għandhom jikkumplimentaw lil xulxin ħalli l-politika tkompli titjieb għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Kliem il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien intervistat minn Saviour Balzan fuq ix-Xandir tal-Istat, fejn innota kif fid-Dar Ċentrali, sab potenzjal u għatx kbir biex il-Partit ikun jista’ jissaħħaħ.
Qal li dawn mhumiex sempliċiment cliches, iżda entużjażmu biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jikber. Tenna li jrid ikollna l-mentalità li kapaċi nirbħu u li kapaċi nagħmlu aħjar minn ħaddieħor.
Bernard Grech wiegħed li taħt it-tmexxija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qed jagħti spazju lil kulħadd biex ikun jista’ jagħti l-kontribut tiegħu. U n-nies diġà qed jinnutaw il-wasla ta’ aktar persuni li jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tfassil tal-politika.
Xi ħaġa qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista, tenna Bernard Grech, u dak li qed jiġri hu riġenerazzjoni u tama ġdida, flimkien ma’ għatx li l-affarijiet jitjiebu.
Mistoqsi dwar l-istħarriġ tal-Ħadd li għadda, li wera tnaqqis sostanzjali fid-distakk bejn iż-żewġ mexxejja u bejn iż-żewġ partiti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan jagħmillu kuraġġ, għalkemm jgħidlu wkoll li fadal ħafna xi jsir biex ikunu konvinti aktar nies. Stqarr li biex il-Partit ikun jista’ jitla’ fil-Gvern, għandu bżonn lil kulħadd.
Dwar l-isfidi finanzjarji fil-Partit, hu qal li jrid jara l-kapaċitajiet ta’ kulħadd biex titwessa’ l-immaġinazzjoni. Wiegħed li l-Partit se jkun qed iwessa’ bil-mod il-mod l-ideat tiegħu, konxju mill-fatt li din il-pjaga mhix se tfiq mil-lum għal għada. Min-naħa l-oħra, wiegħed li l-ebda donazzjoni – kbira kemm tkun kbira – ma hi se xxeklu milli jagħmel xogħolu.
Bernard Grech kompla li l-Partit Nazzjonalista qed ikun avviċinat minn ħafna persuni li qed juru x-xewqa li pajjiżna jaqbad triq aħjar ħalli ma jibqax nieżel kif inhu nieżel.
Min-naħa l-oħra, pajjiżna qed jitmexxa minn Prim Ministru mifni minn ġlied intern fil-partit tiegħu stess. Għaldaqstant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jekk hemm min jaħseb li l-politika ssir fil-bitħa tal-iskola, sejjer żball kbir għax il-poplu jixraqlu ferm aħjar.
Fost l-oħrajn dwar il-Covid-19, fejn il-poplu kollu għamel is-sagrifiċċji u lest li jitlef xi biċċa, iżda Robert Abela ma jistax jibqa’ jidħaq bin-nies u juża’ l-politika tax-xejn mhu xejn.
Dwar il-Mozzjoni li l-Oppożizzjoni ressqet fil-jiem li għaddew, Bernard Grech qal li l-Ministri u l-Membri Parlamentari Laburisti m’għadx għandhom l-iskuża li ma jafux x’ġara. B’hekk, issa għandhom l-aħħar ċans biex ikunu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.
Temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jiġġieled il-korruzzjoni, iżda mhux biss … se jkun proattiv, jippreżenta l-proposti u juri li iva, mal-Partit Nazzjonalista jaqbillek.
//= $special ?>