Lokali

FILMAT: Imwaqqaf Team ta’ Azzjoni fi ħdan il-PN dwar il-Covid-19

Fin-nuqqas ta’ strateġija u pjan mill-Gvern ta’ Robert Abela, il-Partit Nazzjonalista waqqaf Team ta’ Azzjoni biex jiltaqa’ mal-korpi kostitwiti u assoċjazzjonijiet oħrajn fil-ġlieda kontra l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Coronavirus.

Ħabbar dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt messaġġ li xxandar fuq NET Television. Hu qal li dan it-Team ta’ Azzjoni kien essenzjali ladarba qed issir dejjem aktar ċara li għal Robert Abela u l-Gvern tiegħu s-serħan il-moħħ u l-ħajja tal-poplu ma jfissru xejn.

It-Team ta’ Azzjoni, li se jitmexxa minn Bernard Grech innifsu, se jinkludi wkoll lid-Deputati Claudio Grech, Claudette Buttigieg, Clyde Puli, Stephen Spiteri u Maria Fatima Deguara.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa fejn qiegħed il-Prim Ministu, li għandu d-dmir biex almenu jserraħ ras in-nies. Qal li jidher li, minkejja li qal li l-mewġ jinsab fil-baħar, fil-verità Abela nħakem mill-mewġ hu stess.

Filwaqt li staqsa lill-Prim Ministru kif se jserraħ ras il-ġenituri, l-għalliema, il-ħaddiema u min iħaddem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-Partit immexxi minnu se jerġa’ jkun hemm biex jerġa’ jagħti alternattiva u tama lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.