Internazzjonali

Franza: Akkuża oħra kontra Nicolas Sarkozy

Il-maġistrati inkwerenti fi Franza ħarġu r-raba’ akkuża kontra l-eks President Franċiż Nicolas Sarkozy, fejn qed ikun allegat li hu aċċetta l-flus mimgħand il-Libja biex jiffinanzja l-kampanja tiegħu għall-Presidenza, fl-2007.

Sarkozy hu akkużat bi ‘sħubija f’kumplott kriminali’ fl-investigazzjoni li ilha għaddejja għal żmien. Dan meta l-akkużi jistgħu jirriżultaw fi proċess tal-qorti għal Sarkozy – li anki jrid iwieġeb għal diversi każi oħra.

Fl-investigazzjoni dwar il-każ tal-Libja, Sarkozy, fl-2018, kien akkużat dwar korruzzjoni kif ukoll dwar kwistjoni ta’ finanzjament illegali għall-kampanja politika tiegħu. L-eks President Sarkozy hu akkużat ukoll bi gwadann minn fondi pubbliċi li ntużaw b’mod qarrieqi.

Il-prosekuturi jissuspettaw li Sarkozy u diversi assoċjati tiegħu rċevew il-miljuni tal-ewro mingħand ir-reġim tal-eksdittatur Muammar Gaddafi bil-għan li l-flus ‘isostnu’ l-kampanja elettorali tal-eks President Franċiż li l-mandat tiegħu dam mill-2007 sal-2012.

Min-naħa tiegħu, Sarkozy kiteb fuq Facebook li hu spiċċa l-vittma ta’ deċiżjoni ‘li ma tippreżenta l-ebda provi ta’ finanzjament illegali’.