Lokali

“Ġurnaliżmu ħieles iwassal għall-verità”

“Irridu ġurnaliżmu ħieles biex ikolna Gvern li verament jirrapreżenta lil poplu kollu.”

Kien dan il-messag li twassal waqt diskussjoni li saret fi Pjazza l-Assedju l-Kbir mill-ghaqda Repubblika biex jitfakkar it-tielet anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina qal li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu Gvern li vera jirrapreżentah – iżda mingħajr il-midja lokali dan ma jistax isir.

Robert Aquilina qal li mhux talli dan mhux qed isir iżda qed isir bil-kontra, hekk kif il-ġurnalisti ta’ kuljum qed ikollhom attakki personali għas-sempliċi raġuni li qed jagħmlu xogħlhom.

B’hekk, hu talab ghal protezzjoni għall-ġurnalisti hekk kif ma jistax ikun li jkun hemm attakki lejn il-media.

“L-attitudni illi sar hawn ma tantx twassal ‘prositijiet’ lil ġurnalisti,” qal Robert Aquilina. “Anzi ġurnalisti li jipprovaw jagħmlu xogħlhom, u jagħmlu xogħlhom bl-aħjar mod possibli jkunu s-suġġett ta’ attakki, huma personalment u dawk viċin tagħhom.”

Għadd ta’ ġurnalisti Taljani li ngħaqdu f’din id-diskussjoni qalu li huwa importanti li l-qtil ta’ Caruana Galizia jitfakkar kull sena…. hekk kif hu d-dritt ta’ kulħadd li nsiru nafu l-verità, fid-dawl tal-korruzzjoni minn naha tal-Gvern Laburista.

Preżenti kien hemm ukoll il-President tal-IĠM, Sylvana DeBono li tkellmet dwar it-tfixkil li qed jaffacjaw il-gurnalisti.

“Il-ġurnalist iħares kull fejn iħares madwaru ħitan biss,” qalet Sylvana DeBono. “Issaqsi x’issaqsi, 95% of the cases, it-tweġiba jew ma tiġix, jew tkun slogan jew repetizzjoni ta’ xi ħaġa.”

Indirizza din id-diskussjoni wkoll Manuel Delia illi qal li l-poplu Malti għandu d-dritt ikun jaf il-verità, u l-ġurnalisti qiegħdin hemm biex iwasslu din il-verità bl-aħjar mod possibli.